Malta u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq jiffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni fis-settur tad-drittijiet tal-konsumatur

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u l-Istitut għall-Istandardizzazzjoni tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (ISRSM) iffirmaw Memorandum of Understanding (MoU) biex tissaħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.
Permezz ta’ dan il-ftehim iż-żewġ entitajiet se jkunu qed jappoġġaw lil xulxin fil-qsim tal-aħjar prattiċi u informazzjoni, filwaqt li jinvolvu ruħhom ukoll f’diskussjoni bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fis-soċjetà.
Iż-żewġ entitajiet għandhom l-għan li joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-kooperazzjoni f’setturi ta’ interess reċiproku, inklużi programmi ta’ skambju tal-impjegati u taħriġ tal-esperti.  L-oqsma li se jiffukaw fuqhom huma relatati max-xogħol ta’ standardizzazzjoni li jkopri l-enerġija rinnovabbli, il-kwalità ambjentali, kif ukoll dik tal-arja u tal-ilma, l-industrija tal-ikel u x-xorb, is-sikurezza tal-playgrounds, il-ħarsien tal-konsumatur, is-settur tas-servizzi u ħafna aktar.
Dan l-MoU se jipprovdi qafas formali għall-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, inkluż impenn li jsiru laqgħat ta’ livell għoli bil-ħsieb li jiġu identifikati aktar oqsma u attivitajiet ta’ interess komuni.
Fir-rimarki tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli enfasizzat l-importanza li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn Malta u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq li hija kruċjali biex titjieb il-kwalità tal-ħajja permezz tal-istandardizzazzjoni.
Il-memorandum ta’ ftehim ġie ffirmat mill-Inġ. Helga Pizzuto, Chairperson tal-MCCAA, u M.Sc Dzevat Kicara, Direttur tal-ISRSM, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Nancy Caruana u tad-Direttur Ġenerali għall-Istitut tal-Istandards u l-Metroloġija fi ħdan l-MCCAA l-Inġ. Francis Farrugia.​​