Medda ta’ 126 elf metru kwadru f’Bulebel ser tibqa’ art agrikola

Hekk kif kien imwiegħed mill-Gvern, art ta’ madwar 126,000 metru kwadru, ekwivalenti għal madwar 18-il grawnd tal-futbol, li kienet indikata għal bini industrijali f’Bulebel ser tibqa’ art agrikola. Dan juri l-impenn tal-Gvern, li anke kif iddikjarat fil-Viżjoni Malta 2050, qed jinstab bilanċ bejn l-interessi kummerċjali u l-wirt naturali ta’ pajjiżna.

Permezz ta’ ftehim iffirmat dalgħodu, b’mod uffiċjali din l-art għaddiet mill-INDIS għall-Awtorità tal-Artijiet, fil-preżenza tal-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri.

Permezz ta’ dan il-ftehim importanti art b’medda ta’ 126,065 metru kwadru, ekwivalenti għal aktar minn 112-il tomna jew id-daqs ta’ madwar 18-il grawnd tal-futbol, ser tibqa’ disponibbli għall-bdiewa Maltin biex ikomplu jipproduċu prodotti lokali. Il-ftehim jipprovdi biex din l-art li kienet għand l-INDIS qed tiġi trasferita lura lill-Awtorità tal-Artijiet biex tibqa’ bħala art agrikola. Din l-art barra l-valur agrikolu li għandha, għandha wkoll valur kulturali minħabba l-possibilità ta’ fdalijiet arkeoloġiċi li jista’ jkun hemm fl-inħawi. Il-ftehim intlaħaq b’kollaborazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ Ministeri sabiex jiġi żgurat futur aħjar għall-art u l-ambjent Malti.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li dan il-pass huwa xhieda tal-impenn kontinwu tal-Gvern sabiex jissalvagwardja l-karattru rurali ta’ Malta u jgħin biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel għal ġenerazzjonijiet futuri. “L-Awtorità tal-Artijiet se żżomm din l-art għal skop agrikolu. Minkejja li din l-art kienet identifikata għal skop industrijali, il-ftehim bejn l-INDIS u l-Awtorità tal-Artijiet se jiżgura użu agrikolu fil-ġejjini,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri qal li “Gvern li jwiegħed iwettaq. Minkejja li sfida ewlenija li niltaqa’ magħha hija l-bżonn tal-art għall-industrija, nifhmu l-bżonn li jinħoloq bilanċ. Illum INDIS Malta għaddiet art f’Bulebel, ta’ aktar minn 112-il tomna, lill-Awtorità tal-Artijiet biex tibqa’ tintuża għall-użu agrikolu. Imnebbħin anke mill-istatement ta’ Viżjoni Malta 2050, irridu pajjiż reżiljenti u sigur, ispirat mill-wirt ta’ pajjiżna, xprunat mill-progress li jwassal għall-kwalità ta’ ħajja sana għal kulħadd.”

F’kummenti li ta l-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali Żejtun, Raymond Caruana qal li “Wegħda li saret maż-Żwieten issa ġiet realtà. Permezz ta’ dan it-trasferiment tal-art li sar, il-bdiewa Żwieten jistgħu jibqgħu jaħdmu dawn l-artijiet għall-użu agrikolu. Illum qed naqtgħu l-frott ta’ snin ta’ ħidma.”

Din l-art f’Bulebel issa se tkun amministrata mill-Awtorità tal-Artijiet sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-produzzjoni agrikola, b’kera ġusta li tirrifletti r-realtajiet ekonomiċi tal-lum.

Għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm preżenti wkoll rappreżentanti tal-Awtorità tal-Artijiet u Jean Pierre Attard, CEO ta’ INDIS Malta.​