Pajjiżna ilu mmexxi minn klikek mafjużi sa mis-sebgħinijiet. L-ewwel ħaġa li għamlu kienet jaħtfu l-proprjetà privata tan-nies, u mbagħad ħadu kontroll assolut tal-ekonomija. Bl-ekonomija f’idejhom, għaddew romblu minn fuq kulħadd u sfurzaw lil kulħadd jilagħqhom anki għall-dak li huwa tagħhom bi dritt.
Din l-ekonomija saret l-alla falz tagħhom. Ħadu kollox u qasmu l-fdalijiet. Bl-iskuża li jridu jgħinu lill-ħaddiem, komplew jaħtfu aktar dejjem għatxanin għal iktar. Sadanittant, is-sistema politika mafjuża li adottajna f’dawn l-aħħar 50 sena kibret u ssaħħet taħt iż-żewġ partiti li ħadu l-gvern f’idejhom matul iż-żmien.
Illum, insibu ruħna ngħixu f’realtà ta’ pajjiż mafjuża fejn kull membru parlamentari mhux biss igawdi l-impunità imma wkoll immunità assoluta. Iż-żewġ partiti li ħakmu pajjiżna joperaw ’il fuq mil-liġijiet u r-regoli ta’ pajjiżna. Dan iwassal għal sitwazzjoni fejn is-sinjuri mafjużi dejjem isiru aktar sinjuri għax għandhom magħhom il-politiċi li jaħsbu biss kif se jħaxxnu buthom.
Mhux biss hekk, imma anke dawk li jgħidu li jridu realtà differenti jdawru wiċċhom għax naturalment jaqblilhom. Għalhekk, illum ngħixu f’pajjiż fejn il-vuċi ħafifa tan-nies bħalek, li jopponu l-mafja tal-lum, ma tiswa xejn għaliex ma titkellmux fuq il-mafja li ħadmet qabilha.
Illum sibna ruħna mingħajr oppożizzjoni serja li mhux qed tiġġieled u tirrikonoxxi r-reati tagħha tal-bieraħ, aħseb u ara kif tista’ tiġġieled dawk tal-lum. Trid tifhem li hemm tliet swaba’ jħarsu lejha, u trid tifhem li dawk trid tirrikonoxxihom biex tikber u tiġġieled b’wiċċha bil-quddiem dak li qed jiġri llum. B’hekk issa, minflok, għandna n-naħa l-oħra tal-istess munita maħmuġa – sistema li taħdem bħala kompliċi mal-gvern biex l-immunità li jgawdu l-politiċi minn kull naħa tibqa’ fis-seħħ fuq dar il-poplu.
Jekk għadek ma ndunajtx kemm qed tgħin l-istat mafjuż li tgħid li trid tbiddel, forsi l-eżempji li għandhom jiġu fil-ġejjieni jibdew juruk dan b’mod aktar ċar. Waqt li nfaħħar l-isforzi tiegħek biex tipprova tikkumbatti dan il-gvern, ma nistax nifhem kif qed tħalli lill-PN ifalli mid-dmirijiet fundamentali tiegħu lejn pajjiżna. Suppost, bħala oppożizzjoni, irid ikun il-bilanċ fuq il-miżien tal-ġustizzja li tgħid li trid tħaddan.