Il-messaġġ li kontinwament qed jagħti l-gvern huwa li m’hemmx urġenza fil-qasam tal-enerġija u t-tniġġis. Xogħol il-gvern huwa li jinċentiva l-bidla meħtieġa: dan għandu jinkludi il-ħolqien ta’ inċentivi u diżinċentivi li filwaqt li jinkuraġġixxu l-bidla, min-naħa l-oħra jippenalizzaw lil min jirreżisti l-bidla neċessarja. Dawn qaluh kelliema ta’ ADPD-The Green Party meta indirizzaw konferenza stampa quddiem Kastilja dalgħodu.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD, Dr Ralph Cassar qal li teżisti ħafna inċertezza fil-qasam tal-enerġija bħalissa speċjalment minħabba is-sitwazzjoni ġeo-politika li ġabet magħha l-invażjoni tal-Ukrajina mir-Russja. Hemm il-biża li l-prezzijiet tal-enerġija jistgħu jkomplu jisparaw il-fuq. Li huwa żgur hu li l-prezzijiet se jibqgħu volatili u instabbli. F’dan il-kuntest id-dipendenza ta’ Malta fuq enerġija li tinxtara permezz tal-interconnector li għandna ma’ Sqallija jeħtieġ tkun eżaminata mill-ġdid.
Il-politika tal-gvern – dik li jagħti sussidju lil kulħadd dwar l-elettriku mhijiex sostenibbli. Dan jinkoraġġixxi l-ħela u ma jimmotivax l-użu ta’ alternattivi sostenibbli. Dan ilna ngħiduh ix-xhur. Saħansitra il-kap tal-missjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) għal Malta emfasizza li l-mod kif qiegħed jingħata dan is-sussidju dwar il-konsum tal-elettriku għandu jinbidel. Filwaqt li huwa għaqli – anzi meħtieġ – li jiġu mgħejjuna dawk bi dħul baxx jew medju in konnessjoni mal-konsum bażiku meħtieġ, din l-għajnuna m’għandhiex tingħata ukoll lil dawk li jifilħu prezzijiet viċin kemm qiegħed jiġi jiswa verament. Jekk dan ma jsirx, il-kelliem tal-IMF wissa li dan kien se jkollu impatt fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-pajjiż.
“Il-Gvern illum qed jissussidja l-enerġija u l-fuel b’madwar miljun u nofs euro kuljum. Dan it-tip ta’ infieq kien meħtieġ li jsir fis-snin passati f’investiment fuq enerġija rinovabbli. Kieku dan sar, flok it-tkaxkir tas-saqajn li dejjem iffaċċjajna, d-dipendenza tagħna fuq l-importazzjoni tal-enerġija mill-interconnector kienet tkun ħafna inqas. Sal-aħħar tal-2022, €472.5 miljun intefqu f’sussidji fuq l-enerġija u ikel u mas-€608 miljuni oħra mistennija jintefqu din is-sena. Parti minn dawn il-fondi setgħu ntefqu fuq enerġija rinnovabbli imma minflok bqajna b’dipendenza kbira fuq fuels fossili. Bis-sussidji l-Gvern qiegħed jipposponi li jiffaċċja l-problemi. Ma jistax jaħrab minnhom u illum jew għada jrid jiffaċċjahom” temm Cassar.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD, il-Perit Carmel Cacopardo qal li “Gvern wara ieħor dejjem ra kif jipposponi l-investiment neċessarju fl-enerġija rinovabbli. Anke deroga ġiet negozjata biex jitnaqqas l-obbligu tal-pajjiż u minflok 20% niġġeneraw 10% biss tal-enerġija meħtieġa minn sorsi renovabbli. Fil-qasam tal-enerġija elettrika, politiċi tal-partiti l-oħra jitkellmu biss dwar l-interconnector qisu dan is-salvazzjoni tagħna u ftit jew xejn dwar il-bżonn ta’ tnaqqis fl-użu tal-enerġija. Din id-dipendenza issa ser tikber għax hu ippjanat it-tieni interconnector ukoll! Hemm il-bżonn li min juża l-elettriku bl-addoċċ jħallas il-prezz sħiħ tiegħu. Jeħtieġ li nintensifikaw l-investiment f’infrastruttura ġdida għall-enerġija rinovabbli.”
“Eżempju ċar ta’ kif il-gvern mhux lest li jieħu azzjoni minħabba l-biża’ tal-kritika tal-avversarji politiċi hija l-kampanja tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-industrija u fin-negozji.
Din il-kampanja spiċċat biss konferenza stampa b’linji gwida. La hemm miri, u lanqas taħlita ta’ inċentivi u diżinċentivi jew penali biex il-miri jintlaħqu. Prezz kummerċjali għall-konsum għoli huwa għodda li tgħin fit-tnaqqis tal-ħela ta’ din ir-riżorsa.
“Il-kumpaniji, speċjalment dawk b’impatt ekoloġiku kbir bħat-turiżmu u l-kostruzzjoni, għandhom ikunu obbligati li b’mod konkret ibiddlu l-operat tagħhom biex tintlaħaq il-mira li ż-żieda fit-temperatura medja tad-dinja tinżamm taħt il-1.5°C. Il-pjanijiet għandhom ikunu ibbażati fuq ix-xjenza u b’miri ċari biex il-kumpaniji jsiru żero karbonju.”
“Fi tmiem is-sena 2019, ilħaqna n-numru ta’ 2.8 miljun turista iżuruna. Erġajna resqin lejn dawn l-ammont esaġerati ta’ turisti. Qed tissemma ukoll mira ta’ 5 miljun turist fis-sena. Dan ġenn. Il-punt hu jekk dawn in-numri humiex sostenibbli. Dan hu argument ta’ dejjem li ilu għaddej sa minn meta n-numri kienu ferm iżgħar. Id-dibattitu kien, u għandu jibqa’ jkun dwar jekk għandniex niffukaw iktar fuq il-kwalità milli fuq il-kwantità. Hemm dimensjoni ambjentali f’dan l-argument. Wasal iż-żmien li ma jibqgħux jiżdiedu l-lukandi, u tiġi rtirata minnufih ir-rigal li ta dal-gvern lil-lukandiera li lukandi eżistenti jkomplu jżidu s-sulari. Kull lukanda għandu wkoll ikollha l-ogħla standards fejn jidħol l-użu u l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinovabbli. L-industrija tal-kostruzzjoni hemm bżonn li tiġi ridimensjonata, u tiċkien. Kull bini ġdid għandu jiġġenera l-elettriku li jikkonsma minn sorsi rinovabbli, filwaqt li l-ogħla standards ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija għandhom ikunu obbligatorji kemm f’bini ġdid, kif ukoll f’bini li rijabilitat, irranġat jew mibni mill-ġdid.”
“Fl-aħħar mill-aħħar kull għajnuna li tingħata lill-kumpaniji minn żmien għal żmien, għandha tkun marbuta ma’ obbligu għal bidla fl-operat biex ma ssirx ħsara lill-klima. Għandu jkun hemm impenn ċar biex isseħħ it-tranżizzjoni lejn xogħol u ekonomija ħadra u ċirkolari,” temm jgħid Cacopardo.