Ministeru għall-Ġustizzja jistqarr li l-messaġġ tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni jfisser indħil mill-politiċi fuq il-ħidma u l-operat tal-istituzzjonijiet indipendenti

Il-Ministeru għall-Ġustizzja jagħmel referenza għal konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista iktar kmieni llum. Il-ministeru jistqarr li l-messaġġ tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni jfisser indħil mill-politiċi fuq il-ħidma u l-operat tal-istituzzjonijiet indipendenti, bħalma huma dawk tal-Avukat Ġenerali u l-ġudikatura.
Din it-tip ta’ kultura u attitudni lejn l-istituzzjonijiet hija xempju ta’ dawk li ma jafux kif taħdem is-saltna tad-dritt, jew jagħżlu li japplikaw il-prinċipju meta jaqbel lilhom biss. Il-gvern qed isaħħaħ l-istituzzjonijiet bir-riżorsi kollha neċessarji, kif anke ħareġ biċ-ċar fl-aħħar jiem fil-Budget għall-2023, fejn l-istima finanzjarja tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se tiżdied b’6% għal €3.5 miljun.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qal li dan il-gvern hu ffukat biex ikompli jwettaq ir-riformi neċċessarji biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt u governanza u dan il-gvern dejjem kien kuraġġuż biex jimplimenta riformi bħal dawk relatati mal-ħatriet tal-ġudikatura, liġijiet bħat-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi, il-Liġi tal-Whistleblower u emendi fil-kodiċi kriminali, fost ħafna oħrajn. Huwa kompla jgħid li fiż-żmien li ġej il-gvern se jkompli jressaq aktar riformi, speċjalment fil-proċess tal-kumpilazzjonijiet u rinviji, u l-inkjesti maġisterjali.
Dan il-gvern dejjem sostna li dan settur sensittiv, fejn kull deċiżjoni li tittieħed trid tkun ispirata mill-prinċipju li ssir ġustizzja, tidher li qed issir u ssir fi żmien raġonevoli. Xogħol il-politiku hu li jagħti l-għodod kollha neċessarji lill-istituzzjonijiet biex jaqdu dmirhom bl-aħjar mod, filwaqt li għandhom jitħallew jaħdmu f’serenità.