“Nilqgħu għall-impatti tal-klima fuq il-gżejjer tagħna”- ADPD
Id-diskussjoni politika dwar it-tibdil fil-klima sa issa ħarset biss lejn il-kontroll tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba il-kontribut li dawn jagħtu għaż-żieda fit-temperatura dinjija. Meta indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet ġewwa il-Belt Valletta is-Sibt wara nofsinhar, iċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party, il-Perit Carmel Cacopardo, u Dr Ralph Cassar, emfasizzaw li hemm bżonn li nibdew naraw ukoll l-impatti mifruxa fuq is-saħħa, il-biedja u il-ħażna tal-ilma kif ukoll il-ħtieġa urġenti li insaħħu il-protezzjoni tal-kosta biex tilqa’ għaż-żieda fil-livell tal-baħar fi żmien mhux ‘il-bogħod.
Ralph Cassar (kandidat fuq is-7 u l-11-il distrett) qal li tul din il-kampanja elettorali tkellimna l-aktar dwar x’miżuri jistgħu jittieħdu biex inaqqsu l-impatt mit-tibdil fil-klima, filwaqt li ipproponejna kif naslu għal żero-karbonju bis-saħħa ta’ bidla bil-mod lejn enerġija rinnovabbli li taqdi il-ħtiġijiet kollha tagħna. Fl-istess waqt il-klima diġà qegħda tinbidel u jrid jgħaddi ż-żmien biex il-miżuri jħallu l-effett tagħhom, meta jiġu implimentati. Sadanittant hemm numru ta’ setturi li bil-mod il-mod se jibdew jintlaqtu minn klima li ssir eqreb għal waħda tropikali.
Ta’ min isemmi li r-reġjun tal-Mediterran qiegħed jisħon 20% aktar mill-medja globali u dan għandu impatt konsiderevoli fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna.
Carmel Cacopardo (kandidat fuq ir-4 u d-9 Distrett) qal li t-tibdil fil-klima diġà beda jħalli l-effetti tiegħu fuq is-saħħa b’diversi modi fosthom billi jwassal għal imwiet u mard bħala riżultat ta’ temp estrem bħal ngħidu aħna sħana kbira, maltempati iktar spissi u għargħar. Bla dubju dan se jolqot il-produzzjoni tal-ikel minħabba l-effetti fuq il-biedja kemm permezz ta’ żieda fit-temperatura kif ukoll bin-nuqqas ta’ ilma. Temperaturi iktar sħan jesponuna għal aktar mard. Dan jkompli jżid il-piż fuq is-servizzi tas-saħħa tagħna li għandhom jingħataw aktar riżorsi. L-iktar li ser jintlaqtu huma l-anzjani u l-vulnerabbli fostna. M’għandna l-ebda dubju dwar il-kapaċità tas-servizz tas-saħħa tagħna li jilqa’ għal din l-isfida. Meħtieġa iżda iktar riżorsi u strateġija ċara.
Il-Perit Cacopardo żied jgħid li għadna kemm qrajna li ir-rapport meteoroloġiku għal Frar indika li dan kien wieħed mill-iktar xotti – in fatti, mill-1 ta’ Settembru sa llum kellna inqas min-nofs ix-xita mistennija; 115.8 millimetru biss. Huwa importanti li l-ħażna ta’ l-ilma tax-xita tingħata l-importanza i jixirqilha – hemm bżonn li naħżnu iktar minn dan l-ilma qabel ma jispiċċa fil-baħar direttament jew mad-drenaġġ! Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Awtorità tal-Ippjanar għandhom jeżiġu li jkun hemm bjar fi proġetti ta’ żvilupp ġodda li jingħataw permess għal bini.
“Bl-ammont ta’ xita dejjem jonqos huwa importanti li nieħdu ħsieb il-ħażna tal-ilma tax-xita mingħajr aktar dewmien,” insista Cacopardo. Il-biedja tuża l-akbar ammont tal-ilma fil-Mediterran. Nuqqas ta’ ilma għalhekk żgur iħalli effetti sostanzjali fuq is-settur. Wieħed irid jara wkoll kif iż-żieda fit-temperatura se taffettwa dawk il-prodotti agrikoli li jistgħu jinżergħu f’din il-klima mibdula.
“Fl-aħħarnett ta’ min wieħed isemmi il-ħtieġa urġenti li insaħħu il-protezzjoni tal-kosta. Il-livell tal-baħar Mediterran żdied b’60 mm fl-għoxrin sena li għaddew. Sa l-aħħar tas-seklu din iż-żieda tista’ tkun ferm ogħla. Hemm stimi li jvarjaw bejn 430 u 540 mm għalkemm dawn jistgħu jkunu maqbuża ferm iktar jekk ikun hemm ammont ta’ silġ li jdub. Bħala gżira huwa important li l-protezzjoni tal-kosta tissaħħaħ anke minħabba l-fatt li ħafna mill-infrastruttura turistika tagħna qegħda mal-kosta.”-ADPD The Green Party