Ingħata bidu għal SME Week, fejn matulha jittellgħu numru ta’ attivitajiet bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar in-negozji żgħar u medji. L-ewwel attività kienet organizzata bejn il-Malta Business Registry (MBR) u l-Kamra tal-Kummerċ bil-għan li jinħoloq ambjent regolatorju sostenibbli.
Fid-diskors tiegħu waqt din l-attività, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li matul l-aħħar sena l-MBR ħadmet qatigħ biex isem pajjiżna jitneħħa mil-lista tal-FATF fl-inqas żmien possibbli, kif fil-fatt ġara.
“Issa rridu nħarsu ‘l quddiem u nassiguraw il-kompetittività ta’ pajjiżna fuq livell internazzjonali. Issa, l-focus irid idur mill-aspett amministrattiv u ta’ compliance għal wieħed li jħares aktar ‘il quddiem. U hawnhekk hija l-isfida li nilħqu bilanċ bejn l-esiġenzi operazzjonali, amministrattivi, u li jkollna ambjent regolatorju sostenibbli,” sostna l-Ministru Schembri.
Huwa żied jgħid li mod kif jista’ jsir dan huwa billi tiġi eliminata l-burokrazija żejda u jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ due diligence, billi jkun hemm due diligence wieħed għall-entitajiet kollha.
Il-Ministru Schembri fakkar li l-Ministeru għall-Ekonomija għadu kemm ħatar kumitat biex jiffaċilita l-ftuħ ta’ kont bankarju bażiku għan-negozji. “Tnediet ukoll il-Credit Review Office, entità bejn il-banek kummerċjali u l-klijenti li jerġgħu jaraw każijiet fejn is-self ikun irrifjutat.”
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb, filwaqt li esprimiet ringrazzjament għall-ħidma tal-MBR matul l-aħħar sena, qalet li “Is-sostenibbiltà rridu nikkunsidrawha fuq tliet fatturi importanti: in-nefqa, it-tkabbir ekonomiku, u li nħarsu r-reputazzjoni tagħna.”
Dr Geraldine Spiteri Lucas, il-kap eżekuttiv tal-MBR u reġistratur, qalet li “Issa wasal iż-żmien li b’dak kollu li tgħallimna matul l-aħħar sena u b’qafas regolatorju b’saħħtu, inħarsu ‘l quddiem biex nattiraw negozji ġodda.”