Nuqqas ta’ impenn mill-gvern għal toroq sikuri għal kulħadd.

Propju f’nofs il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità, ma nistgħux ma ninnutawx in-nuqqas ta’ impenn mill-gvern li jwettaq politika serja li biha jagħti t-toroq lura lin-nies, jagħmilhom aktar sikuri u verament jimbotta l-mobilità nadifa u sostenibbli.
Dan qalu ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo.
Cacopardo żied jgħid li pajjiżna, minflok jagħżel strateġiji biex inrażżnu l-użu tal-karozzi, minflok gvern wara ieħor ilhom snin sħaħ jagħżlu li jagħtu spinta lill-vetturi privati, u jimbuttaw lin-nies u mezzi oħra tat-trasport ‘il barra mit-triq. Saħansitra l-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia iddikjara li t-toroq qegħdin hemm biss għall karozzi – ħaddieħor irid jara kif jiddobba. Il-politiċi tal-PLPN għażlu li jqaċċtu s-siġar u jiksu r-raba bil-konkos sabiex jakkomodaw aktar u aktar karozzi. Għażlu li l-permessi għal pompi ġodda tal-petrol jibqgħu joħorġu bħal pastizzi u li jkeċċu lill-bdiewa mill-għelieqi tagħhom. Għażlu benefiċċji temporanji filwaqt li injorajaw saħħitna. Għażlu t-traffiku u t-tniġġis u l-ansjetà li jġibu magħħom minflok spazji miftuħa u toroq pedonali.
Mark Zerafa, Deputat Segretarju Ġenerali qal li l-vetturi privati huma sors ta’ tniġġis kontinwu. “Dan it-tniġġis hu marbut ma’ żieda fl-inċidenza ta’ mard kroniku u kondizzjonijiet respiratorji, filwaqt li l-ħsejjes ma jieqfu qatt minn traffiku qawwi huwa ta’ detriment għas-saħħa mentali tagħna. U xi ngħidu dwar inċidenti tat-traffiku, uħud minnhom fatali? Inċidenti li jaħsdu tant u li żdiedu.”
“L-emissjonijiet tal-karozzi jikkontribwixxi għat-tibdil tal-klima. Din hi emerġenza planetarja u ż-żmien tat-tkaxkir tas-saqajn għadda. Hemm bżonn li nerfgħu ir-responsabilitajiet tagħna u nrażżnu dawn l-emissjonijiet sabiex nilħqu l-miri u l-obbligi internazzjonali tagħna. L-użu tal-karozzi elettriċi, mhux biżżejjed. Il-karozzi elettriċi huma biss ħielsa mill-emissjonijiet jekk jitħaddmu b’enerġija rinovabbli.”
“Hemm bżonn li nħarsu madwarna u nifhmu li hemm ħtieġa li l-mobilita’ tagħna ssir aktar sostenibbli. Malta u Għawdex huma gzejjer żgħar u d-distanzi huma qosra. Huwa stmat li nofs il-vjaġġi bil-karozza jieħdu inqas minn ħmistax-il minuta. Meta it-temp jippermetti, m’għandhiex tkun sfida qawwija biex uħud jagħżlu li jimxu jew li jużaw rota. Hemm bżonn li nħeġġu l-użu tar-roti, u roti elettriċi u scooters mhux biss bid-diskors imma ukoll billi noħolqu infrastruttura addattata. Hemm bżonn li noħolqu bicycle lanes kull fejn dan hu possibbli, speċjalment f’toroq arterjali sabiex l-użu tar-roti ikun ħieles minn periklu żejjed. L-għotjiet f’għajnuna għax-xiri ta’ roti hija inizjattiva tajba, iżda jekk it-toroq jibqgħu perikolużi ftit se jkun hemm żieda fl-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport.”
“Filwaqt li kien pass għaqli mħabbar fil-baġit tas-sena li għaddiet li s-servizz tal-linja jsir bla ħlas. Minkejja dan, tajjeb li nifhmu sew x’inhu dak li jżomm lill-pubbliku milli jagħmel użu aktar frekwenti minn dan is-servizz. Il-ħajja tal-lum hi mgħaġġla; ftit huma dawk li għandhom il-lussu li jistgħu jistennew għal ħinijiet twal fuq stejġ tal-linja. Hemm bżonn li l-karozzi tal-linja jkunu aktar spissi u puntwali; hemm bżonn rotot aktar mifruxa sabiex  tintlaħaq mingħajr diffikulta’ kull rokna tal-pajjiż u hemm bżonn sistema Bus Rapid Transit tul il-pajjiż kollu. It-trasport pubbliku għandu jkollu preċedenza fit-toroq.”
Filwaqt li matul din il-ġimgħa il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea organizzaw attivitajiet edukattivi li jippromwovu mezzi ta’ trasport alternattiv, f’Malta bħas-soltu drajna bir-retorika u l-paroli fl-arja għax dawk il-bidliet meħtieġa għal ġid ta’ saħħitna u tal-ambjent li ngħixu fih jew ma jsirux jew inkella jsiru nofs leħja.