Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, li din is-sena għandu t-tema “Solidarjeta’ Interġenerazzjonali”, ġie ffirmat ftehim bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni Relationships Are Forever biex jiġu żviluppati “Our Journey Cards”. L-għan tagħhom huwa li jkomplu jassistu liż-żgħażagħ biex jgħixu ħajja aktar kuntenta u jkunu kapaċi jirriflettu, jagħmlu għażliet tajbin, u jenfasizzaw il-valuri u l-prinċipji tagħhom flimkien mal-adulti.
Din il-kollaborazzjoni se tagħti importanza wkoll lir-riżorsi umani li huma tant kruċjali fl-iżvilupp taż-żgħażagħ, fosthom, il-youth workers. Għalhekk dan il-ftehim jinkludi wkoll iffinanzjar li jappoġġja lill-adulti li jaħdmu maż-żgħażagħ.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet hija essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli, u għalhekk irridu nkomplu nikkollaboraw biex insaħħu relazzjonijiet u sħubijiet interġenerazzjonali ta’ suċċess u ġusti biex niżguraw li “ħadd ma jitħalla lura.” L-età tippreżenta sfida fit-tisħiħ tal-kollaborazzjoni u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u għalhekk hija r-responsabbiltà tagħna li nqarrbu l-ġenerazzjonjiet flimkien”, qal il-Ministru Grima.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza taż-żgħażagħ f’kull aspett soċjali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jħallu impatt fuq l-għajxien u l-iżvilupp tagħhom. “Għalhekk il-politika li aħna l-politiċi nħaddmu hija kruċjali għaż-żgħażagħ u waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet huwa importanti li dejjem inżommu fl-isfond tal-proċess il-vuċi tagħhom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma ħeġġet liż-żgħażagħ biex iħaddnu l-valur tas-solidarjetà lejn l-adulti u jgħarrfu l-esperjenzi tagħhom. “Nappella lill-adulti li qegħdin f’pożizzjonijiet għolja tat-tmexxija biex jiżviluppaw opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex bi spirtu kooperattiv jingħaqdu ż-żewġ vuċijiet għall-bidla sostenibbli.”
Wieħed mill-fondaturi ta’ Relationships Are Forever, Julian Sant, qal li “L-“Our Journey Cards” huma żviluppati bil-għan li jgħinu liż-żgħażagħ u lill-adulti jsaħħu l-karattru tagħhom u jibnu relazzjonijiet sinifikanti ma’ ta’ madwarhom.”
Il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ twaqqaf min-Nazzjonijiet Magħquda bil-għan li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal aktar opportunitajiet li jsaħħu l-ħiliet tagħhom filwaqt li jkun hemm ħarsien tad-drittijiet tagħhom. Din is-sena t-tema magħżula tenfasizza d-dinjità għall-etajiet kollha.
B’din l-isħubija tal-lum se jkompli jissaħħaħ it-twettiq tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ li għandha l-għan strateġiku li tiffaċilita t-tranżizzjonijiet taż-żgħażagħ fil-proċess tal-ħajja adulta.
Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm ir-rappreżentant mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ Jacob Callus.
Aktar informazzjoni fis-sit: www.onourjourney.org.