Fi stqarrija stampa il-partit tal-Progressivi qallu li Malta għandha żżomm mal-wiegħda tagħha li tirrikonoxxi l-Palestina bħala stat, bħalma għamlu Spanja, in-Norveġja u l-Irlanda f’Mejju li għadda. Flimkien ma’ dawn il-pajjiżi, wegħedna li nieħdu dan il-pass kruċjali, iżda Malta ċediet għat-theddid tal-Istati Uniti u tibqa’ l-uniku pajjiż li naqas milli jżomm kelmtu.
Il-Qorti Kriminali Internazzjonali akkużat lil Benjamin Netanyahu li:
“allegatament (huwa) responsabbli għall-krimini tal-gwerra ta’ ġuħ bħala metodu ta’ gwerra u li intenzjonalment immira attakk fuq il-popolazzjoni ċivili; kif ukoll għall-krimini kontra l-umanità, inkluż il-qtil, il-persekuzzjoni u atti oħra inumani sa mill-inqas mit-8 ta’ Ottubru 2023 sas-20 ta’ Mejju 2024.” Minkejja dan, Netanyahu jinsab fuq żjara uffiċjali fl-Istati Uniti, waqt li t-tkeċċija tal-Palestinjani minn Gaza reġgħet fuq l-aġenda.
Gaza tappartjeni lin-nies Palestinjani. Huma biss għandhom jiddeċiedu l-futur tagħhom, ħielsa minn kull interferenza esterna. It-tbatija kontinwa, l-iżgumbrament u l-qerda imposti fuq il-Palestinjani huma inaċċettabbli, u l-komunità internazzjonali għandha taġixxi b’urġenza.
Sa mis-7 ta’ Ottubru 2023, il-Parlament Malti baqa’ sieket fuq il-kwistjoni Palestinjana. Bil-Progressivi fil-Parlament wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss, immedjatament nitolbu dibattitu u nippreżentaw mozzjoni, biex jiġi żgurat li Malta tieħu pożizzjoni favur il-ġustizzja u l-awtodeterminazzjoni tal-Palestinjani.
Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, il-gvern Malti qed jaġixxi b’mod ipokritu – jgħid li jappoġġja d-drittijiet tal-Palestinjani , filwaqt li jattendi l-inawgurazzjoni ta’ Trump u jibqa’ sieket quddiem l-inġustizzja.
Għandna nagħmlu l-ħaġa ġusta u niddikjaraw li l-era tal-ambizzjoni imperjali globali spiċċat, u nikkonfermaw dan flimkien mal-imsieħba tagħna fl-Ewropa u madwar id-dinja.
Malta għandha tissapportja l-ġustizzja u s-sovranità tal-poplu Palestinjan, u mhux tkun kompliċi fl-oppressjoni tagħhom.