Partit Popolari- Difiża tal-interessi nazzjonali

Difiża tal-interessi nazzjonali: ħidma biex jinġiebu setgħat lura minn Brussell u biex jitwaqqaf l-abbuż mis-sistema tal-ażil- Partit Popolari

 

Waqt konferenza stampa mtella’ il-lejla mill-Partit Popolari, il-Mexxej tal- Partit is-Sur Paul Salomone qal li l-Partit Popolari huwa kburi li huwa l-partit li qiegħed jippreżenta lill-poplu l-aktar għażla ċara f’dak li jirrigwarda l-ħarsien tas-sovranità, tal-fruntieri u tal-interessi ta’ pajjiżna.

“Il-Partit Popolari se jinsisti li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li huwa mnaqqax fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea jibda jiġi rrispettat mhux biss fl-ittra imma wkoll fl-ispirtu. Fil-prattika, dan ifisser li fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea nivvutaw kontra kull miżura fejn l-Unjoni Ewropea tipprova tidħol fi kwistjonijiet li jikkonċernaw biss lill-Istati Membri individwalment u mhux lill-Ewropa kollha kemm hi. Insemmgħu l-vuċi ta’ Malta wkoll favur it-tisħiħ ta’ dan il-prinċipju f’każ li t-Trattati tal-Unjoni Ewropea jiġu riveduti.”  jgħid is-Sur Salomone.

IS-Sur Raymond Ambrogio jgħid li bħala Partit huwa kontra l-immigrazzjoni illegali, u mhux kontra r-refuġjati.

Il- Partit Popolari qed jipproponi wkoll li Malta tirrinegozja s-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea sabiex tikseb l-istess kundizzjonijiet ta’ sħubija li għandha d-Danimarka, jiġifieri tkun eskluża mill-oqsma tas-sigurtà, id-difiża, iċ-ċittadinanza, il-pulizija u l-ġustizzja.

“Fil-qasam tal-ħarsien tal-fruntieri ta’ pajjiżna, il-Partit Popolari qiegħed jipproponi azzjoni aktar deċiża fir-rigward tal-abbużi li qed iseħħu mis-sistema tal-ażil. Qegħdin nipproponu miżuri li jindirizzaw il-laxkezza fil-proċess biex jingħata l-ażil, oħrajn li jindirizzaw it-traffikar u oħrajn li jindirizzaw il-pull-factor ekonomiku. Nipproponu wkoll li tittieħed azzjoni serja biex persuni li jiġu rrifjutati lilhom l-ażil u għalhekk mhux suppost jibqgħu f’Malta, fil-fatt ma jitħallewx jaħdmu f’Malta.” qal is-Sur Salomone.

Filwaqt li jagħraf li dawn l-għanijiet mhuwiex faċli li jintlaħqu, u jirrikjedu ħidma kbira fuq bosta snin, il-Partit Popolari jemmen li jistgħu jinkisbu jekk ikun hemm ir-rieda politika, li jidher ċar li f’dawn l-oqsma hija nieqsa fiż-żewġ partiti li mexxew lil pajjiżna għall-aħħar snin.

Stqarrija 05-2022

17/03/2022

 

Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jibgħat email : [email protected]