It-Tlieta 5 ta’ Lulju l-Partit Popolari tella’ konferenza għall- stampa quddiem il-parlament sabiex, lejlet il-votazzjoni li ser tittieħed għada jqajmu ftit punti rigward l-emenda tal-Att tal-protezzjoni ta’ embrijuni.
Din il-konferenza ġiet indirizzata mill-President tal-Partit Popolari s-Sur Karmenu Borg fejn qal li l-partit favur il-ħajja sa mill-bidu, mill-konċepiment u għalhekk jemmnu li kull persuna imnissla għanda dritt għal ħajja u t-twelid.
Borg żied jgħid li bħala partit jemmnu li kopji li ma għandhomx ulied mhux biss għandhom simpatija lejhom imma ukoll li bħala partit jemmen li jistħoqqilhom għajnuna li ma timminimax il-valur u dinjita tal-ħajja umana bħal ma ser jagħmlu dawn l-emendi.
“Persuni b’diżabilita nemmnu li għandhom dritt għal ħajja u għat-twelid daqs kullħadd. Il-Partit Popolari huwa favur il-protezzjoni u l-ħajja tal-vulnerabbli, inkluż ta’ dawn l-aktar prezzjużi fost ħutna. Testijiet Pre Ġenetiċi PGT, iqajmu tħassib serju dwar kultura ta’ Ewġenika li tagħżel bejn persuni skond il-kundizzjonijiet ġenetiċi tagħha. Fl-istorja din seħħet f’realtajiet ta’ gvernijiet totalitarji barranin, ma nistgħux nirrepetu din il-ħaġa f’pajjiżna.” jgħid Borg.
“Għalhekk ma nistgħux naqblu ma’ amendi fil-liġi dwar l-IVF li jistgħu permanentement jikkundannaw persuni umani fil-friża, li jiddiskriminaw kontra ħutna b’diżabilita’ u li jistgħu jiftħu it-triq għal possibilita’ ta’ Kultura favur l-Ewġenetika, jiġifieri li telimina persuni b’diżabilita’ mis-soċjeta Maltija. Nappellaw lil kuxjenza tal-parlamentari sabiex ikunu sensittivi u jivvotaw favur il-ħajja. Viva l-ħajja, viva l-poplu tagħna.” temm Borg.