Infrastructure Malta (IM) ħejjiet pjan ta’ ħidma mal-Kunsilli Lokali għat-toroq residenzjali, li permezz tiegħu ser isiru madwar 60km ta’ toroq residenzjali fis-sena.
L-aġenzija għaddejja b’konsultazzjoni mal-54 kunsill lokali f’Malta sabiex tfassal il-pjan ta’ ħidma tagħha għat-tliet snin li ġejjin, biex tkompli twettaq il-pjan nazzjonali sabiex ittejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali madwar il-pajjiż.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt business breakfast organizzat minn Infrastructure Malta flimkien mal-kunsilli lokali.
Il-Ministru Farrugia tkellem dwar l-importanza li l-poplu jkollu toroq ta’ kwalità tajba u siguri, iżda li wkoll jinkoraġġixxu mobilità attiva u mezzi alternattivi tat-trasport. Huwa spjega wkoll il-pjan li l-Gvern ser jinvesti €35 miljun li permezz tiegħu ser ikompli l-investiment f’infrastruttura li tinkoraġġixxi n-nies jagħżlu mobilità iktar attiva billi jiġu implimentati elementi ta’ ‘cycling infrastructure’ u inkorporazzjoni ta’ infrastruttura li tikkumplimenta l-użu tat-trasport pubbliku.
“Huwa importanti iktar minn qatt qabel li nippjanaw flimkien, inwettqu dak li nippjanaw fil-ħin, u fuq kollox, noħolqu ambjent aħjar madwar il-proġetti li nwettqu. Nemmnu li b’hekk nistgħu nagħmlu iżjed differenza u nwasslu għal aktar bidla li jixtiequ jaraw in-nies, bidla għall-aħjar li l-Gvern kommess li jwassal fl-ibliet u l-irħula tagħna,” stqarr il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll li qed issir ħidma minn Transport Malta biex tidħol fis-seħħ sistema li permezz tagħha kull min ikun se jagħmel xogħlijiet ġo triq, kemm entitajiet governattivi u anke kunsilli lokali, iridu jtellgħu tabella li turi d-dettalji kollha ta’ dawn ix-xogħolijiet, minn liema entità qed isiru, l-iskadenzi tal-proġett u kemm se jdum l-inkonvenjent. Dan se jagħti trasparenza lir-residenti tal-madwar u dawk kollha li jużaw dik it-triq.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li, “Il-Kunsilli Lokali għandhom dejjem jiġu kkonsultati fi tħejjijiet ta’ ħidma għal proġetti fil-lokalitajiet, għaliex huma jafu l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti tagħhom.” Għaldaqstant, is-Segretarju Parlamentari spjegat li dan il-pjan ta’ ħidma bejn Infrastructure Malta u l-kunsilli lokali ser jgħin f’implimentazzjoni aktar effettiva u effiċjenti fit-titjib tal-kwalità tat-toroq residenzjali.
IM talbet lill-kunsilli lokali jaġġornaw il-listi tat-toroq residenzjali li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom sabiex jinbnew mill-ġdid bejn l-2023 u l-2025. Għal kull sena, l-aġenzija se tkun qed talloka lil kunsilli lokali ammont ta’ toroq fil-konfini amministrati minnhom biex isiru xogħlijiet fihom. L-ammont ta’ toroq huwa kkalkulat skont id-daqs tal-konfini u l-popolazzjoni ta’ kull belt jew raħal.
Il-kunsilli lokali ntalbu jibagħtu l-proposti tagħhom sal-15 ta’ Novembru sabiex imbagħad, bi qbil magħhom, l-aġenzija tfassal skeda tat-toroq residenzjali li għandhom jinbnew mill-ġdid fit-tliet snin li ġejjin. Wara li tkun stabbilita l-lista tal-prijoritajiet tal-kunsilli lokali, IM ser tiddiskuti mal-entitajiet rispettivi li għandhom infrastruttura tas-servizzi taħt l-art sabiex ix-xogħol kollu meħtieġ għal kull triq jiġi ppjanat ħalli jsir fi proġett wieħed.
Kunsilli lokali li jressqu proposti li jnaqqsu l-metering ta’ toroq eżistenti billi jinħolqu spazji ta’ mobilità attiva se jibbenefikaw aktar billi din iż-żona tiġi mħejjija wkoll minn IM. Dawn l-ispazji ta’ mobilità attiva għandhom ikunu spazji miftuħa mifrudin, jew parzjalment mifrudin, mit-toroq li jistgħu jintużaw minn min jivvjaġġa bil-mixi jew bir-rota, jew anke fejn wieħed ikun jista’ jqatta’ ħin ta’ mistrieħ u rikreazzjoni. Il-kunsill lokali li jagħmel proposti simili se jkollu benefiċċju addizzjonali, għaliex IM se tkun qed tagħmel tajjeb finanzjarjament biex jinħoloq dan l-ispazju mingħajr ma jiġi mnaqqas l-ammont allokat għall-bini mill-ġdid ta’ toroq fil-lokalità.