Possibilità li jkun hemm reviżjoni tal-kondotta fuq pussess sempliċi tad-droga

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg nedew l-ewwel diskussjoni bl-isem ‘Nagħtu t-Tieni Ċans’ ma’ numru ta’ stakeholders sabiex tiġi diskussa l-possibilità li persuni li jkollhom il-kondotta tagħhom imċappsa fuq pussess sempliċi tad-droga ma jibqgħux imniżżlin fuqha wara li dawn il-persuni jkunu diġà skontaw sentenza ta’ ħabs u wrew biċ-ċar li rriformaw ruħhom u qabdu t-triq t-tajba.
Waqt din id-diskussjoni ħadu sehem fiha diversi entitajiet differenti, fosthom għaqdiet non-governattivi li jaħdmu fil-qasam karċerarju, aġenziji li jipprovdu servizzi ta’ rijabilitazzjoni fil-qasam tad-droga, kif ukoll trejd unjins li tkellmu dwar is-settur tax-xogħol.
Il-Ministru Jonathan Attard tkellem fuq l-importanza li nkomplu nibnu soċjetà fejn kulħadd ikun kontabbli ta’ għemilu, imma bl-istess mod naddottaw approċċ uman u ta’ kompassjoni, fejn minflok noħolqu stigma noffru aktar opportunitajiet biex persuna tirrijintegra ruħha fis-soċjetà.
“’Nagħtu t-tieni ċans’ mhijiex xi buzz word, iżda ideoloġija progressiva li aħna nħaddnu bħala gvern. Irridu nkunu aħna li nixprunaw id-diskussjoni u nitkellmu dirett mal-istakeholders involuti, imma fuq kollox mal-persuni li għaddew mill-esperjenza first hand. Nemmen li d-diskussjoni li se tiżvolġi m’għandiex tkun limitata għal pussess sempliċi, imma għandha tieħu inkonsiderazzjoni reati oħrajn, biex verament noffru t-tieni ċans u ngħixu f’soċjetà ġusta,” sostna l-Ministru Attard.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet fuq l-importanza li persuni li jkunu żbaljaw fil-passat m’għandhomx jibqgħu jġorru dan il-piż tul ħajjithom kollha, ġaladarba dawn jkunu pattew t’għemilhom u għamlu  l-ħila tagħhom biex idawwru r-rotta ta’ ħajjithom għall-aħjar.
“Nemmen bis-sħiħ li wara li dawn l-individwi jkunu pattew għall-iżball tagħhom u wrew bl-aktar mod ċar li nbidlu, mela hemmhekk huwa d-dmir tagħna bħala soċjetà li ntuhom l-għodda kollha meħtieġa biex jerġgħu jibnu ħajjithom. Dan il-proċess huwa l-ewwel pass biex bħala gvern nifhmu aħjar ir-realtajiet li jeżistu u nibdew naħsbu kif ser noffru s-soluzzjonijiet konkreti għalihom,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern se jkun qiegħed iniedi konsultazzjoni pubblika bl-għan li tiskatta diskussjoni nazzjonali fuq dan is-suġġett.