Prim Ministru Robert Abela jindirizza l-COP27 f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li rridu nimplimentaw miżuri li jindirizzaw tassew it-tibdil fil-klima billi ndaħħlu politika fiskali li tinċentiva l-investiment fl-ekonomija diġitali u tinbena politika b’saħħitha favur l-użu ta’ enerġija alternattiva.​​​Dr Abela saħaq dan meta kien qed jindirizza l-COP27 f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu.
Fl-indirizz li għamel fil-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima, li għaliha attendew mexxejja minn madwar id-dinja kollha, il-Prim Ministru ta’ Malta ħabbar ukoll li bħas-sena l-oħra fi Glasgow, Malta qed timpenja ruħha li tirdoppja l-kontribuzzjoni tagħha għall-Fond Internazzjonali Dwar il-Klima.
Dr Abela saħaq ukoll li pajjiżna qed jimplimenta strateġija favur id-dekarbonizzazzjoni li biha jkollna ekonomija newtrali fl-2050. Qal li din is-sena l-Gvern Malti ffoka fuq djalogu mas-settur privat dwar qalba ambjentali.
Il-prim ministru spjega kif il-preżenza ta’ Malta fil-COP tafferma l-impenn ta’ pajjiżna li jonora l-Ftehim ta’ Pariġi biex iż-żieda tat-temperatura globali ma tkunx iżjed minn grad u nofs filwaqt li Malta hija impenjata wkoll li tagħmel il-parti tagħha fil-programm ambizzjuż tal-Unjoni Ewropea fil-pakkett magħruf bħala Fit for 55, li jnaqqas l-emmissjonijiet biex jiġi indirizzat it-tisħin globali.
Dr Robert Abela qal li lil hinn minn dikjarazzjonijiet ta’ rieda tajba favur l-ambjent, irridu ngħaddu għall-azzjonijiet li bihom tassew inħarsu l-ambjent ta’ madwarna.​
Spjega kif biex nagħmlu dan irid ikollna l-impenn iżda fuq kollox l-ambizzjoni.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif apparti li dan il-fenomenu qed jolqot lid-dinja kollha, pajjiżi żgħar għandhom l-aspetti partikolari tagħhom tal-impatt mit-tibdil fil-klima.
Saħaq li dan huwa l-każ anki jekk huma l-inqas pajjiżi li kkontribwixxew għall-emmissjonijiet fl-arja.
Hawn semma kif irridu nilqgħu b’mod ugwali iżda b’mod differenti u partikolari għall-impatti tal-pajjiżi u kien hawn li semma kif Malta tista’ sservi ta’ post li fiha tiġi xprunata teknoloġija ġdida li tkun konformi mal-ekonomija l-ħadra.
Il-prim ministru qal li pajjiżna qed jagħti l-għajnuna lil gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw billi jagħti l-esperjenza tiegħu dwar prattiċi sostenibbli fosthom dwar l-immaniġjar tal-ilma.
Spjega wkoll li pajjiżna se jagħti boroż ta’ studju għal studenti minn dawn il-gżejjer biex jistudjaw dwar temi marbuta mat-tibdil fil-klima fl-Università ta’ Malta.
Irrimarka li Malta qed tappoġġja pajjiżi oħra biex ukoll jilħqu l-għan tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħhom filwaqt li riċentament bagħtet assistenza medika lill-Pakistan, pajjiż li riċentament intlaqat minn għargħar qawwi.
Il-prim ministru qal li l-għoli fil-livell tal-baħar riżultat tat-tibdil fil-klima m’għandux jaffettwa drittijiet li gżejjer u pajjiżi bil-kosta għandhom bħala parti mill-ġurisdizzjoni marittima.
Il-prim ministru qal ukoll li l-qalba favur l-ambjent għandha benefiċċji komuni fosthom arja aktar nadifa u provvista tal-ikel għal kulħadd.
Temm jgħid li din il-qalba għandha ssir għan-nies u l-futur tagħna lkoll.
Aktar qabel il-prim ministru indirizza laqgħa ta’ livell għoli tal-COP27 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-ilma fejn spjega fuq prattiċi mħaddma f’Malta favur il-produzzjoni sostenibbli tal-ilma.