Il-Malta Trust Foundation implimentat il-proġett ‘Dan Jien’, li jinkludi kampanja ta’ għarfien fuq livell nazzjonali sabiex titqajjem kuxjenza u inklużjoni akbar dwar tfal u żgħażagħ fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
L-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett tħabbret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascadolo, u l-President tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca.
Il-proġett huwa mibni madwar l-istorja tal-ħajja reali ta’ Beppe, tifel ta’ 13-il sena fuq l-ispettru, u ġie implimentat permezz ta’ 45 workshop interattiv fi skejjel medji u sekondarji kemm tal-Istat, tal-Knisja u anke f’dawk indipendenti bejn Jannar u April 2025. Minn dan il-proġett ibbenefikaw 1,123 student.
Fihom intuża video, ippreparat minn Beppe nnifsu, bħala għodda ċentrali għad-diskussjoni dwar is-suġġett, li enfasizza realtajiet u sfidi ta’ kuljum ta’ individwi bl-awtiżmu u qanqal konverżazzjonijiet li għandha twassal għal aktar għarfien u inklużjoni.
Dan il-proġett sar permezz ta’ investiment ta’ aktar minn €19,000 mill-fondi allokati għall-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) amministrati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).
Waqt l-attività, il-Ministru Julia Farrugia fissret kemm dan il-proġett mhux biss ikompli jsaħħaħ il-ħidma u l-kollaborazzjoni bejn il-ministeru u l-Malta Trust Foundation, iżda kif joffri leħen awtentiku għal dawk li huma fuq l-ispettru. “Bħala Gvern, nemmnu bis-sħiħ li l-edukazzjoni għandha tkun esperjenza inklussiva, fejn kull tifel u tifla, irrispettivament mill-isfidi jew id-differenzi tagħhom, iħossuhom apprezzati u mifhuma.”
“Il-proġett ‘Dan Jien’ huwa eżempju ċar ta’ kif b’inizjattivi kreattivi u sensittivi nistgħu noħolqu spazji ta’ empatija u għarfien fost l-istudenti. Il-fatt li dan il-proġett twieled mill-vuċi ta’ Beppe, tifel fuq l-ispettru tal-awtiżmu, jagħtih valur uniku u awtentiku. Dan huwa pass importanti lejn soċjetà li tisma’, tifhem u tħaddan id-diversità. Ninsabu kburin li permezz tal-fondi VOPS u l-ħidma tal-Malta Trust Foundation qed naraw inizjattivi bħal dawn jieħdu l-ħajja fl-iskejjel tagħna – inizjattivi li mhux biss jippromwovu l-inklużjoni, imma jġibu bidla reali fil-mentalità u l-kultura edukattiva tagħna,” temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia.
Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, bħala fundatriċi u Chairperson tal-Malta Trust Foundation, qalet li, “Huwa tassew ta’ ispirazzjoni li tara l-video ta’ Beppe. L-iskript tiegħu huwa notevoli. Hija spjegazzjoni onesta u mill-qalb ta’ xi tfisser li tgħix bl-awtiżmu, mil-lenti tiegħu bħala tifel fuq l-ispettru. Ninsab fiduċjuża li l-kuraġġ ta’ Beppe, flimkien mad-dedikazzjoni tal-Malta Trust Foundation, ser jagħtu l-ħajja lill-viżjoni u l-perspettiva tiegħu, li se sservi bħala għodda edukattiva qawwija. Dan il-video għandu l-potenzjal li jqajjem kuxjenza u jippromwovi soċjetà aktar etika, li tifhem u tkun aktar inklużiva għal kulħadd”.
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo qal li, “L-avveniment tal-lum huwa ċelebrazzjoni ta’ vuċijiet żgħar u stejjer reali li għandhom jiġu ċċelebrati. Ninsab kburi li bil-fondi tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat qegħdin noħolqu pjattaforma għal dan il-għan, li jtejjeb b’mod tanġibbli u dirett il-ħajja ta’ ħafna tfal”.