Konferenza Stampa mtella’ mill-ADPD-The Green Party
Waqt konferenza stampa mtella’ mill- ADPD qalu li Infrastructure Malta qed tippjana li twessa’ l-bypass tal-iMrieħel u tibni flyover u tieħu 15-il tomna art lill-bdiewa li ilhom għal ġenerazzjonijiet sħaħ jaħdmuha. Il-kandidat tal-ADPD – The Green Party fuq is-6 distrett (li jinkludi Ħal Qormi) Sandra Gauci qalet li din hija ġennata speċjalment fiż-żminijiet ta’ bħalissa fejn il-provvista tal-ikel hija waħda mill-ikbar uġiegħ ta’ ras għal ħafna pajjiżi fosthom Malta fid-dawl tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.
Gauci qalet li “jekk hemm l-għaqal għandna nibżgħu għall-għelieqi tagħna u nieħdu ħsieb il-bdiewa u mhux nitrattawhom ta’ disposables li ma għadx hemm bżonnhom u nissagrifikaw art għammiela li tagħti l-ikel fuq l-artal ta’ l -hekk imsejjaħ progress għal-karozzi li xorta se jeħlu x’imkien.”
Gauci semmiet kif il-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kienet tagħmel aktar sens u anqas ħsara imma donna mhix ta’ profit għal-bwiet tal-iżviluppaturi u allura qed tiġi mwarrba.
Kif jgħid il-manifest elettorali ta’ ADPD għal din l-elezzjoni m’għandniex bżonn iktar toroq. Imma għandna bżonn inqas karozzi fit-toroq li għandna. Tnaqqis ta’ karozzi mit-toroq jwassal għal tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku u titjib fil-kwalità tal-ħajja, inkluż iktar sigurtà fit-toroq tagħna għal kulħadd.
“Meta se nindunaw li dan mhux il-mod kif tnaqqas it-traffiku? Meta se jagħrfu l-importanza tax-xogħol tal-bidwi? Għalfejn il-leħen tan-nies ta’ Ħal Qormi mhux qed jingħata widen? Dan huwa l-aħħar pulmun aħdar li baqgħalhom il-Qriema u b’rappreżentanza ta’ ADPD fil-Parlament nassiguraw li dawn iż-żoni ħodor li ftit għad fadal minnhom f’pajjiżna ma jkomplux jitnaqqru,” temmet tgħid Gauci.
Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jibagħat email fuq : [email protected]