Ġie mniedi proġett pilota sabiex is-sajda tradizzjonali tal-imrejkba terġa’ tibda tiġi pprattikata fil-gżejjer Maltin u Għawdxin. Dan il-proġett pilota ġie varat mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
Dan il-proġett pilota tħabbar wara laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders differenti, primarjament mas-sajjieda u entitajiet ikkonċernati. Fil-fatt tħejja pjan ħolistiku li jinkludi l-aspetti kollha u informazzjoni neċċessarja biex is-sajjieda jkollhom serħan il-moħħ waqt li jkunu għaddejjin bis-sajda tal-imrejkba.
Il-laqgħat urew b’mod ċar illi għad hemm ħafna sajjieda rikreazzjonali li huma interessati li jkomplu jipprattikaw dan il-passatemp. Il-gvern sema’ lis-sajjieda u fassal pjan konkret biex din it-tradizzjoni tinżamm ħajja, kif ukoll tiġi ppratikata b’mod korrett u regolarizzat.
Id-Direttur tas-Sajd fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura Gilbert Balzan spjega li d-definizzjoni tal-kelma “mrejkba” hija sajda tradizzjonali u rikreazzjonali. Din it-tip ta’ sajda tradizzjonali fil-fatt inħolqot minn sajjieda rikreazzjonali Maltin u Għawdxin u ilha tintuża għal għexieren ta’ snin. Is-Sur Balzan spjega li din is-sajda għandha forma ta’ triangolu magħmula minn qasab, pajpijiet tal-plastik, zkuk, injam jew fliexken tal-plastik imserrħa fuq sufri. L-imrejkba tkun f’forma ta’ triangolu biex taqta’ l-ilma u tibqa’ miexja ‘l quddiem. Fiċ-ċentru tat-triangolu jkun hemm arblu bil-qlugħ b’kulur jgħajjat u mmarkat bin-numru ta’ identifikazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li dan il-proġett se jagħti l-opportunità lil mijiet ta’ sajjieda dilettanti li jixtiequ jistadu b’dan il-metodu tradizzjonali, u se jiġi żgurat li dan isir b’mod sostennibli permezz ta’ miżuri li ġew milħuqa flimkien mas-sajjieda rikreazzjonali.
Sostniet li b’dan il-proġett, il-gvern qed jisma’ s-sejħa tas-sajjieda lokali, filwaqt li l-istess proġett juri bil-fatti kemm is-sajjieda rikreattivi jemmnu f’sajd sostenibbli.
Il-proġett pilota jinkludi postijiet allokati apposta fejn wieħed jista’ jmur jistad u kif ukoll fejn wieħed jista’ jarma l-imrejkba tiegħu bl-ammont ta’ snanar kif stabbilit. Dan kollu qed jiġi spjegat fil-logbook provdut lis-sajjied meta jmur jirreġistra mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura biex jipprattika din is-sajda. Permezz tal-logbook ser tkun qed tinġabar informazzjoni dwar qbid tal-ispeċi, f’ġieħ il-prinċipju tas-sostenibbiltà.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel lid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura fuq 2292 6876.