Proġett pilota – Park and Ride f’Central Business District

Minn nhar it-Tnejn li ġej, viżitaturi u ħaddiema li jaħdmu fid-diversi fabbriki u postijiet oħra tax-xogħol li jinsabu fis-Central Business Disctrict tal-Imrieħel se jkunu jistgħu jibdew jagħmlu użu minn servizz pilota ta’ Park & Ride, liema servizz ta’ trasport se jkun ipprovdut b’xejn.
Waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, iddawwar mill-Kap Eżekuttiv tas-Central Business District Keith Fenech, u flimkien raw l-aħħar preparamenti taż-żona fejn se jkunu qed jipparkjaw il-ħaddiema u li minn hemm se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn servizz ta’ vann li jwassalhom qrib il-post tax-xogħol rispettiv tagħhom.
“Hawnhekk qed naraw kif din iż-żona qed tiġi mibdula b’inizjattiva tat-tmexxija tas-Central Business District li flimkien ma’ numru ta’ azjendi li jaħdmu f’dan il-qasam wasslu biex tiffaċilita l-ħajja ta’ mijiet ta’ ħaddiema meta dawn jaslu fil-post tax-xogħol tagħhom u issa sew tkun aktar faċli li jsibu post fejn jistgħu jħallu l-vetturi privati tagħhom waqt li permezz ta’ servizz ta’ vann, dawn jitwasslu lejn il-post tax-xogħol b’aktar ħeffa u mingħajr telf ta’ ħin żejjed. L-istess park & ride huwa ukoll disponibbli għall-viżitaturi li jkunu qed iżuru l-istess żona”, qal il-Ministru Schembri.
Il-ministru semma li din iż-żona, li qabel kienet magħrufa bħala l-Imrieħel Industrial Estate, illum il-ġurnata nbidlet u saret waħda miż-żoni li tospita numru ta’ azjendi u fabbriki li fihom jaħdmu mijiet ta’ ħaddiema. “Dan il-proġett pilota li qed naraw illum mhuwiex uniku hekk kif fl-aħħar xhur saru diversi xogħlijiet oħra sabiex din iż-żona tkompli tissebbaħ, fosthom it-tabelli l-ġodda li jindikaw kif wieħed jgħaddi minn dan il-qasam, manutenzjoni ta’ toroq u dwal ġodda, ġonna kif ukoll tisħiħ tas-sigurtà tal-istess żona”.
Is-Sur Keith Fenech spjega li s-servizz se jkun ipprovdut mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7:00am u l-10:00am u bejn l-4:00pm u s-7:00pm. Qal ukoll li l-vann matul dawn il-ħinijiet se jkun qed idur maż-żona indusrijali li b’kollox fiha 13-il waqfa maħsuba bħala l-aktar konvenjenti għall-maġġoranza tal-ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam.