Il-proposta tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) biex din is sena l-kaċċa għas-Summien issir mill-14 t’April sal-4 ta’ Mejju 2025, iż-żewġ ġranet inklużi, bi kwota nazzjonali ta’ 2400, ġiet milqugħa fil-laqgħa tal-Kumitat Ornis ta’ llum u għaldaqstant ser isir r-rakkomandazzjoni rispettiva lill-Onorevoli Ministru Clint Camilleri.
Żewġ proposti oħra tal-FKNK biex isir kaċċa u riċerka permezz tal-insib tradizzjonali għall-gamiem mill-20 t’April sal-4 ta’ Mejju 2025, bi kwota nazzjonali ta’ 1500, ma ġewx diskussi u għaldaqstant posposti minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti.
Il-proposti tal-FKNK rigward il-kaċċa minn fuq opri tal-baħar, ir-regolamenti tal-Bird-ringing, u r-riviżjoni ta’ ċertu multi u pieni, partikolarment rigward il-piena drakonika tar-revoka permanenti tal-liċenzja, ukoll ġew posposti għall-laqgħa/laqgħat tal-Kumitat Ornis fil-futur qarib.
Il-FKNK terga tfakkar lill-membri sabiex jgħaderixxu ma kwalunkwe direttiva li tista toħroġ il-FKNK skont il-ħtieġa u fil-ħin opportun.
