PROPOSTI GĦALL-ISTAĠUNI TAL-KAĊĊA FIR-REBBIEGĦA

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) issottomettiet sensiela ta’ proposti għad-diskussjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Ornis.

Il-proposti għandhom x’jaqsmu mal-ftuħ tal-istaġuni tal-kaċċa ta’ din ir-rebbiegħa għall-Gamiem u s-Summien, u t-twaqqif ta’ programm ta’ riċerka għall-Gamiem bl-użu tal-metodu konvenzjonali tal-insib, li għandu jsir matul l-istaġun propost tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiem.  Ma’ dawn il-proposti hemm ukoll rapport minn xjenzat Taljan ikkummissjonat mill-FKNK dwar il-preżenza fir-rebbiegħa tal-gamiem fil-gżejjer Maltin fl-aħħar snin.

Barra minn hekk, wara bosta laqgħat matul dawn l-aħħar xhur mal-awtoritajiet rilevanti, inkluż il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-FKNK qegħda titlob li ssir reviżjoni tal-pieni u l-multi attwali għal reati ta’ kaċċa u nsib f’termini tal-ħruxija tagħhom fir-rigward ta’ reati oħra, aktar serji, mhux relatati mal-kaċċa.  B’mod partikolari, issir referenza għall-piena estrema ta’ revoka permanenti tal-liċenzji tal-kaċċa/insib, anki għal dawk li jiksru l-liġi għall-ewwel darba, prattika li ma tinstemax f’pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Punt ieħor fuq l-aġenda, li ilu pendenti għal xi żmien, huwa rapport tal-FKNK li jsejjaħ għal tibdil xieraq fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-kaċċa minn fuq il-baħar, partikolarment biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sigurta’.  Il-FKNK tittama li tara din il-kwistjoni tissolva fiż-żmien li ġej.