Rapport dwar il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol: Analiżi dwar il-Ġbir tad-Dħul

L-Awditur Ġenerali s-Sur Charles Deguara ppreżenta lill-President tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farrugia, ir-Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) bl-isem ‘Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol: Analiżi dwar il-Ġbir tad-Dħul’.
L-iskop ta’ din l-analiżi, immexxija mill-Financial and Compliance Section, kien li jinġabar u jiġi analizzat il-ġbir tad-dħul għas-sena 2020 mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Dħul u d-Dwana. Dan huwa segwitu tal-analiżi rrappurtata fl-2016, li tiffoka fuq il-bidliet li seħħew matul l-erba’ snin ta’ wara.  L-NAO kkummenta wkoll dwar il-livell ta’ proċeduri ta’ infurzar fis-seħħ fir-rigward tal-ġbir tad-dħul, kif ukoll fuq l-istaff li hemm bżonn fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Dħul u d-Dwana.
Bħala riżultat tal-impatt ekonomiku globali sever tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet li rriżultaw biex jittaffa t-tixrid tal-pandemija, l-għanijiet ekonomiċi antiċipati ma seħħewx, liema sitwazzjoni ovvjament kellha impatt fuq il-ġbir previst tad-dħul mit-taxxa. Dan wassal għal tnaqqis sostanzjali fid-dħul kollu tal-gvern matul l-2020, kontra x-xejriet ’il fuq fl-erba’ snin preċedenti, mill-2016 sal-2019. Fl-2020, total ta’ €3,770 miljun inġabru mit-Taxxa tad-Dħul, Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali, Dazju ta’ Trasferiment Kapitali, Taxxa fuq il-Valur Miżjud u Dwana.
Din l-analiżi żvelat ukoll li l-aktar għodod komuni ta’ infurzar li ġew applikati biex jinġabru drittijiet pendenti essenzjalment kienu jikkonsistu f’azzjonijiet legali u ftehimiet dwar remissjoni ta’ imgħax.
Meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi partikolari li affetwaw is-sena taħt reviżjoni, dan l-Uffiċċju għandu l-ħsieb li jwettaq assenjazzjoni ta’ segwitu simili fi żmien ftit snin oħra.
Ir-rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika – http://www.nao.gov.mt, kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook – www.facebook.com/NAOMalta.