Rapport fuq verifika ta’ prestazzjoni: “The COVID-19 pandemic – Business continuity within the public administration”

L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia r-rapport imsemmi hawn fuq. L-għan ewlieni ta’ dan ir-rapport kien li jiddetermina kemm il-gvern żgura l-kontinwità tal-operat jew is-servizzi tiegħu waqt li ġew implimentati miżuri relatati mal-COVID-19 b’mod effiċjenti u effettiv.
Din il-verifika ta’ prestazzjoni wriet li, ġeneralment, il-gvern kompla jipprovdi servizzi kruċjali u essenzjali matul il-pandemija. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq analiżi tad-direzzjoni strateġika li ġiet ipprovduta mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM), il-Ministeru għas-Saħħa (MFH) u l-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol (MFE). Barra minn dan, l-awditu inkluda wkoll evalwazzjoni ta’ kif żewġ ministeri oħra ewlenin, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal (MSPC) u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (MEYR), adottaw miżuri ta’ kontinwità fl-operat sabiex jipprovdu s-servizzi essenzjali tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19 bejn Marzu 2020 u Marzu 2021.
Filwaqt li l-OPM assuma r-responsabbiltajiet fit-tmexxija, dan il-ministeru kkollabora mal-MFH biex jipprovdi l-miżuri rigward aspetti tas-saħħa u s-sigurtà, u mal-MFE biex jipprovdi direzzjoni finanzjarja u ekonomika. Dan l-arranġament offra linji ċari ta’ responsabbiltajiet kif ukoll direzzjoni strateġika matul dawn iż-żminijiet diffiċli.
It-teknoloġija kellha sehem ċentrali biex tiżgura l-kontinwità tal-operat. F’dan il-kuntest, il-MITA pprovdiet appoġġ lill-entitajiet governattivi, biex isostnu inizjattivi bħal dik tar-remote working u sistemi online biex jiffaċilitaw is-servizzi li qed joffru. L-inizjattivi tal-MITA waslu biex jiżdiedu iktar servizzi sabiex ikun imsaħħaħ il-kuntatt virtwali mal-pubbliku permezz ta’ servizz.gov.
Din il-verifika ta’ prestazzjoni kkonfermat li, bħala ministeru, l-MSPC ħaddan id-direzzjoni u l-linji gwida maħruġa mill-ministeri ċentrali. Barra minn hekk, l-MSPC żamm l-istess livelli ta’ prestazzjoni li kienu eżistenti qabel din il-pandemija fejn jidħol l-ipproċessar u l-iżborżar tal-benefiċċji soċjali. Ta’ min jinnota li dan il-ministeru, implimenta b’mod effiċjenti u effettiv proċessi ġodda bħal dawk tat-trasferiment tas-servizzi li kien qed joffri fl-area offices lis-servizz.gov.
L-analiżi li saret minn dan l-uffiċċju wriet li l-kompitu tal-ministeru l-ieħor (l-MEYR), li ntgħażel bħala kampjun, kien loġistikament aktar kumpless minn tal-ewwel, peress li l-MEYR kellu jwettaq bidla rapida fil-metodi tat-tagħlim filwaqt li jżomm mal-miżuri ta’ saħħa fiżika u sigurtà. Minkejja s-suċċess ġenerali ta’ dawn il-miżuri, kien hemm xi diffikultajiet prevalenti. Stħarriġ li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fost l-għalliema u l-ħaddiema fl-amministrazzjoni ta’ kull skola kkonferma li t-tagħlim b’mod tradizzjonali kif ukoll dak online ġabu magħhom sfidi sinifikanti. Eżempju ta’ dan kienu n-nuqqas ta’ spazju fil-klassijiet biex tinżamm id-distanza soċjali u l-ħtieġa ta’ aktar għalliema minħabba ż-żieda ta’ klassijiet addizzjonali. Diffikultajiet oħra li ltaqgħu magħhom kienu dwar tfal li għal diversi raġunijiet ma setgħux jibbenefikaw bis-sħiħ mit-tagħlim online.
Dan ir-rapport għen biex jiġu identifikati materji li jistgħu jiġu indirizzati aħjar f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Għal dan il-għan, l-NAO ippropona numru ta’ rakkomandazzjonijiet strateġiċi mmirati lejn l-amministrazzjoni pubblika b’mod ġenerali, u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-ministeri magħżula għal dan l-istudju. L-NAO jawgura li l-entitajiet tal-gvern ikomplu jwettqu analiżi ta’ xogħlijiet li saru sabiex jidentifikaw it-tagħlimiet minn din l-esperjenza. Dan japplika b’mod partikolari għall-proċessi, u l-identifikazzjoni ta’ liema minn dawn jistgħu jinżammu lil hinn mill-pandemija. L-entitatjiet huma wkoll imħeġġa biex ikomplu jaġġornaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali.
Dan ir-rapport huwa aċċessibbli hawnekk