L-Isptar Mater Dei jiċħad kategorikament l-istorja ppubblikata fuq il-portal tal-aħbarijiet ta’ Net News bit-titlu ‘Pazjent imut fil-kuritur tal-Emerġenza wara li ma nstabx il-file antik tiegħu’. L-Isptar Mater Dei jista’ jikkonferma li din l-istorja hija xniegħa qarrieqa u li l-proċeduri tal-isptar fl-ebda mument ma jwaqqfu l-kura tal-pazjent jew jipprekludu lill-pazjent milli jiddaħħal f’sala minħabba proċeduri relatati mal-file tal-pazjent.
Il-Ministeru għas-Saħħa jikkundanna rappurtaġġ fittizju li minbarra li joħloq allarm fost il-pubbliku, ipoġġi dawl ikrah fuq il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, li jaħdmu lejl u nhar sabiex isalvaw il-ħajjiet.
Il-Ministeru għas-Saħħa jieħu din l-opportunità biex jirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Emerġenza tas-servizz tagħhom.