It-tieni dimonstrazzjoni saret il-bieraħ filgħaxija quddiem il-parlament . Dawn is-serje ta’ dimonstrazzjonijiet qed jsiru kontra l-Avviż Legali li ħareġ mingħajr konsultazzjoni mar-residenti, sidien ta’ stabbilimenti, kif ukoll mall-membri tal-kunsill lokali tal-Belt Valletta .
Billy McBee tkellem ma’ Pm News Malta u qalilna li sa issa ma kien qed l-ebda kuntatt minn naħa ta’ l-awtoritajiet ikkonċernati mal-partit Residenti Beltin sabiex jkunu jistgħu jiddiskutu dwar dan l-avviż legali li ħareġ mingħajr l-ebda konsultazzjoni. Hu qalilna li din ser tkun serje ta’ dimostrazzjonijiet li ser jibqgħu jittellaw sakemm jkun hemm ftehim.
Il- Kunsillier tal-lokal is-Sur Vince Fabri kif ukoll il-Membru parlamentari Darren Carabott minn naħa tal-Partit Nazzjonalista inagħqdu mal-ġemgħa preżenti sabiex ukoll juru id-diżappunt tagħhom fuq dan l-avviż legali li ma kienx ikkonsultat u waqt l-intervista li taw lill PM News Malta t-tnejn li huma qalulna li qed jitolbu għal diskussjonijiet sabiex jintlaħaq kompromess sabiex ir-residenti Beltin ma jkomplux jgħaddu minn dawn it-tbatijiet u frustrazzjonijiet ta’ kuljum.
il-MP Darren Carbott qalilna li ġiet preżentata mozzjoni minn naħa ta’ l-oppożizzjoni għaliex din is-sitwazzjoni qed toħloq “chaos” sħiħ lir-residenti. Huwa qal “Meta qed nitkellmu fuq il- Belt Valletta, qed nitkellmu dwar il-kultura,dwar il-kapitali, qed nitkellmu dwar ir-residenti tagħna u qed nitkellmu wkoll dwar il-komunita’ kummerċjali.” Carabott saħaq li għalkemm hija Belt kummerċjali, r-residenti wkoll għandhom id-dritt li jgħixu fil-paċi. Huwa żied jgħid li l-mozzjoni li ġiet mressqa minn naħa tal-partit Nazzjonalista ġiet diskussa mar-residenti, numru ta’ “stakeholders” kif ukoll mall-membri tal-kunsill lokali. Qal li dan l-Avviż Legali 161u 163, ‘2022, ħareġ mill-Ministeru għall Kummerċ.
Il-Kunsillier Vince Fabri qalilna li bħala kunsillier li ġie maħtur mir-residenti, jħossu mweġġa’ li lanqas biss kien infurmat dwar dan l-avviż legali meta r-rwol tiegħu bħala kunsillier huwa dak li jissalvagwardja l-interess tal-komunita’ Beltija. Irrefera għal kif qabel wieħed kien jieħu gost b’mużika fl-sfond li kienet toħloq atmosfera ta’ rilassament filwaqt li issa minflok qed jsiru “Street Parties” bi storbju eċċessiv u li għalkemm fuq l-avviż legali tniżżel it-terminu ” volum tal-mużika moderat” dan jista’ jiġi nterpretat b’modi differenti, kif filfatt qed jiġri.
“Jekk bniedem iċċaħadlu d-dinjita li jgħix fid-dar tiegħu b’mod dinjituż, tkun ħadtlu waħda mill-aktar drittijiet umani,” kompla jgħid Fabri. Qal kif owners ta’ diversi “Boutique hotels” qed jkollhom ilmenti mit-turisti residenti tagħhom minħabba l-storbju fejn saħansitra dawn it-turisti jkunu jridu jitilqu minn dawn l-lukandi u jsibu post ieħor. Fabri qal ukoll kif il-bejt tal-binja storika, “Dar il-Mediterran” li hija propjeta’ li taqa’ taħt il-Gvern, qed tiġi mikrija biex jsiru tiġijiet.