VALLETTA – Il-partit politiku Residenti Beltin qed jitlob lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tieħu azzjoni kontra ristorant fil-Belt Valletta li qed jokkupa spazju pubbliku b’mod illegali.
Skont Residenti Beltin, ir-ristorant in kwistjoni qed jokkupa parti mis-sit pubbliku mingħajr awtorizzazzjoni xierqa, u dan qed joħloq inkonvenjent għar-residenti u l-pubbliku ġenerali li jużaw dak l-ispazju.
L-Awtorità tal-Ippjanar wieġbet għat-talba ta’ Residenti Beltin billi indikat li tali kwistjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza t’awtoritajiet oħra.
Għaldaqstant, l-Awtorità tal-Ippjanar ħeġġet lill-partit biex jirrapporta l-allegata irregolarità,lill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, lit-Transport Malta, l-Awtorità tal-Artijiet jew lill-korp tal-pulizija għal investigazzjoni ulterjuri.
Fir-risposta tagħhom Residenti Beltin jenfasiżżaw li L-Awtorità tal-Ippjanar għandha s-sezzjoni tal-infurzar tagħha stess, li hija responsabbli biex tiżgura li l-iżviluppaturi jikkonformaw mal-kundizzjonijiet imposti fuqhom. Għaldaqstant , f’każijiet fejn l-irregolaritajiet jinvolvu l-okkupazzjoni ta’ spazju pubbliku mingħajr permess, l-infurzar jista’ jinvolvi kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra bħall-pulizija, l-kunsilli lokali u Ministeri kkonċernati.
Din is-sitwazzjoni tenfasizza l-isfidi li jiffaċċjaw ir-residenti tal-Belt Valletta fir-rigward tal-użu ta’ spazji pubbliċi u l-bżonn ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti biex jiġu indirizzati tali kwistjonijiet.