Restawr fuq il-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Katerina taż-Żejtun

​Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar it-tlestija tal-aħħar fażi tal-proġett ta’ restawr fuq il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina taż-Żejtun.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li hu ta’ sodisfazzjon li jara ħolqa ta’ proġetti jitwettqu b’ħidma sfieqa u dedikazzjoni f’kull lokalità, mhux l-inqas f’post mimli storja bħalma hu ż-Żejtun. Huwa stqarr li dan il-proġett ta’ restawr tlesta proprju fil-jiem li jwasslu għall-Ġimgħa Mqaddsa.

“Dan huwa eżempju ċar ta’ kif l-investiment fil-wirt kulturali tagħna qed jagħti l-frott u jkompli jsebbaħ il-lokalitajiet tagħna,” temm jgħid il-ministru.

Dan il-proġett beda fl-2017 bir-restawr tal-faċċata tan-nofsinhar. L-intervent kompla fuq il-faċċata opposta, imbagħad bdiet il-fażi l-aktar estensiva li inkludiet ir-restawr tal-faċċata prinċipali u ż-żewġ kampnari. L-aħħar fażi tal-proġett kienet tinkludi r-restawr tal-aħħar faċċata, kif ukoll interventi speċjalizzati bħat-tneħħija ta’ materjali li kienu qed jagħmlu ħsara lill-ġebla, tindif ġenerali, tikħil ta’ fili miftuħa, kif ukoll il-konservazzjoni u t-tiswija ta’ lavur artistiku, gwarniċuni, skultura u aperturi. Il-proġett sar b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro.

Ix-xogħolijiet ġew imwettqa b’kollaborazzjoni bejn il-Perit imqabbad mill-parroċċa u d-Dipartiment tar-Restawr, li segwa l-proġett b’mod kontinwu permezz tal-esperti tiegħu.

Il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina hija waħda mill-aktar binjiet reliġjużi sinifikanti f’Malta u tifforma parti integrali mill-wirt storiku u arkitettoniku tal-lokalità taż-Żejtun.

Il-bini tagħha beda fis-seklu sbatax u tlesta fl-1779 fuq disinn attribwit lill-arkitett rinomat Lorenzo Gafá, filwaqt li r-responsabbiltà tax-xogħol ingħatat f’idejn Mastru Xandru Pulis. Fl-1857, wara maltempata qawwija, saru interventi fuq il-faċċata ewlenija. Matul is-seklu għoxrin, il-koppla oriġinali tneħħiet u nbniet oħra ġdida b’lanterna, skont disinn ta’ Mastru Giuseppe Zahra.

Fis-snin ħamsin nfetħu passaġġi fi ħdan il-ħitan ta’ wara tal-knisja li kienu jagħtu għas-sagristiji, li kellhom jingħalqu fis-snin disgħin minħabba konsenturi strutturali li nstabu fil-pilastri. Fl-istess żmien, saret il-bini mill-ġdid tal-lanterna tal-koppla kif ukoll il-quċċata tal-kampnari.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm l-Arċipriet taż-Żejtun Anton Galea Scannura kif ukoll, is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius u rappreżentati mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun.