Riċerka dwar is-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjoni Maltija.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tħabbar li ser jingħata bidu għar-riċerka dwar il-metaboliżmu tal-popolazzjoni Maltija, bl-isem ta’ ‘Analysis of the metabolic status of the Maltese population: a nested cohort study.’ Dan l-istudju, li se jsir f’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Università ta’ Malta, jsegwi studju ieħor li sar bejn l-2014 u l-2016 bl-isem ta’ ‘SAĦĦTEK – The University of Malta Health and Wellbeing study’, immexxi minn Dr Sarah Cuschieri.​​
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal, “Riċerka bħal din hija importanti għaliex kapaċi tagħtina riżultati li bihom intejbu l-kwalità ta’ ħajja tan-nies. Inħarsu ‘l quddiem li jkollna aktar riċerka ta’ dan it-tip li kapaċi twassalna għal titjib fis-servizzi li bħalissa qegħdin nipprovdu liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin.”
Huwa għalaq billi rringrazzja u awgura lir-riċerkaturi li se jaħdmu fuq dan il-proġett b’suġġett daqstant importanti u delikat daqs is-saħħa tal-bniedem.
Tkellem ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Matthew Vella fejn tenna li l-istudji li jsiru għandhom jibqgħu jiġu aġġornati maż-żmien bi studji oħra. “Hekk kif numru ta’ affarijiet jinbidlu matul iż-żmien, għandna l-obbligu li nsegwu dawn l-istudji bi studji oħra li jwasslu għal xi tip ta’ innovazzjoni sabiex verament inħallu impatt tanġibbli fil-ħajja tan-nies,” temm jgħid Matthew Vella.
Għal din il-konferenza kien hemm preżenti wkoll iż-żewġ riċerkaturi, Dr Sarah Cuschieri li mexxiet l-istudju primarju mill-2014 u l-2016, u Dr Elizabeth Grech li se tkun qiegħda tmexxi din ir-riċerka. Fid-diskors tagħhom huma qalu li l-istudju primarju sar sabiex wieħed jara l-qagħda attwali tas-saħħa taċ-ċittadini fil-gżejjer Maltin, b’mod partikolari fil-metaboliżmu tal-bniedem. Din ir-riċerka, li se ssegwi dik primarja, se twassal sabiex isiru magħrufa l-mard u l-konsegwenzi tagħhom li setgħu nibtu fl-istess pazjenti li ġew djanjostikati fl-ewwel studju, filwaqt li tixħet dawl għall-kawżi li setgħu wasslu għal dan il-mard, fosthom il-Covid-19.