Bħalissa, fil-Picnic Area f’Ta’ Qali, spazju miftuħ li jilqa’ fih eluf ta’ familji Maltin, għaddejja riġenerazzjoni importanti li ser tkun qed timmassimizza aktar il-kwalità ta’ ħajja aħjar tal-familji.
Matul żjara li għamel, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, akkumpanjat minn Jason Micallef, il-Kap tat-Taqsima li tmexxi il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, kif ukoll mill-Perit inkarigat Nadia Curmi, seta’ jara x-xogħlijiet importanti li għaddejjin b’ritmu mgħaġġel madwar din iż-żona.
B’investiment ta’ €1 miljun, l-iktar xogħlijiet kruċjali li għaddejjin bħalissa huma t-tneħħija tal-fence eżistenti biex minflok ikun installat fence aktar sigur li jħares is-saħħa u s-sigurtà tal-familji Maltin li jiffrekwentaw din iż-żona. Ix-xogħlijiet ser ikunu jinkludu wkoll it-tqegħid ta’ materjal ġdid għall-art kif ukoll soft furniture ġdida għall-madwar. Matul l-aħħar ġimgħat saru wkoll xogħlijiet fuq il-bini mill-ġdid ta’ żewġ faċilitajiet sanitarji kif ukoll tħaffir ta’ trinek għal servizzi ġodda tal-ilma u d-drenaġġ.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, spjega l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali li fl-aħħar snin kiber minn 220,000 metru kwadru għall-450,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ u aħdar, huwa eżempju ħaj għall-Viżjoni Malta 2050 – Viżjoni ċara u fit-tul, li kienet varata iktar kmieni din il-ġimgħa u li taħseb fil-futur ta’ Malta u niesha.
“Wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Viżjoni Malta 2050 huwa l-Użu Intelliġenti tal-Art u tal-Baħar, pilastru kruċjali għal pajjiżna u li l-proġett ta’ Ta’ Qali huwa xprunat minnu.” Is-Segretarju Parlamentari Farrugia fakkar kif sa ftit snin ilu, proprju minflok il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali kien hemm fabbrika illegali tokkupa dan l-ispazju, “illum għandna l-ikbar pulmun aħdar għall-familji Maltin, għaliex għarafna nużaw dan l-ispazju bl-aħjar mod.”
Intant Jason Micallef, spjega kif ix-xogħlijiet fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali huma kontinwi “għaliex irridu li l-ikbar proġett kapitali jitgawda ħolistikament mill-familji Maltin u Għawdxin, matul is-sena kollha.”
Minbarra x-xogħlijiet fuq ir-riġenerazzjoni tal-Picnic Area, bħalissa għaddejjin ukoll l-aħħar xogħlijiet fuq multi-level underground car park biswit iż-Żona tal-Kunċerti.
Dawn ix-xogħlijiet f’wieħed mill-ikbar proġetti kapitali li qatt ra pajjiżna jikkonfermaw kif Ta’ Qali qiegħed, għal darb’oħra, jipprepara ruħu għal sajf mimli attivitajiet għall-familji Malti u r-rekord ta’ turisti li jżuru pajjiżna.