Se ssir it-tielet edizzjoni tal-Mixegħla tal-Qaddisin f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda t-tielet edizzjoni tal-Mixegħla tal-Qaddisin. Diversi parroċċi madwar Għawdex ta’ kull sena jieħdu sehem f’din l-attività mill-isbaħ mifruxa ma’ Għawdex kollu għall-Festa tal-Qaddisin, fejn permezz ta’ eluf ta’ xemgħat jinħolqu immaġini artistiċi, f’ambjent mill-isbaħ li kapaċi joħloq id-dawl tax-xemgħa.
Nhar il-Ħadd 30 ta’ Ottubru, mis-6pm ‘l quddiem, installazzjonijiet magħmulin minn eluf ta’ xemgħat se jieħdu forma relatata mal-Qaddis Patrun tal-post u se jkunu mpoġġija fuq iz-zuntier jew il-pjazza tal-lokalitajiet f’Għawdex.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li “L-attivitajiet kulturali li qed intellgħu fil-gżira Għawdxija qegħdin jiġbdu mijiet ta’ familji u viżitaturi u dan jawgura tajjeb għall-għan tagħna li mhux biss inżommu l-kultura tal-gżira tagħna ħajja iżda li nkomplu nagħmlu lil Għawdex destinazzjoni għal matul is-sena kollha b’attivitajiet li jolqtu lil kulħadd.”
Huwa temm billi rringrazzja lid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li f’kollaborazzjoni mad-Djoċesi ta’ Għawdex ħadem sabiex dan l-avveniment għal sena oħra seta’ jkun possibbli.