SeedGreen 2022 – Sejħa għaż-żgħażagħ b’ideat innovattivi u sostenibbli.

SeedGreen qed jittella’ għat-tieni sena konsekuttiva bħala parti mill-kampanja #ClimateOn

Persuni bejn it-18 u l-40 sena qed jingħataw l-opportunità jressqu ‘l quddiem ideat innovattivi, b’soluzzjonijiet ambjentali, permezz tal-programm imprenditorjali SeedGreen.
Il-programm SeedGreen jinċentiva imprendituri żgħażagħ li għandhom soluzzjonijiet jew ideat għal start-ups b’għanijiet ambjentali u li jgħinu jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Dan il-programm qed jittella’ permezz tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, il-Malta Enterprise, Junior Chamber International Malta (JCI Malta) u l-EIT Climate-KIC Malta Hub ġewwa l-MCAST.
“SeedGreen qed  jagħti opportunità ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ fuq diversi suġġetti relatati mal-ambjent, it-teknoloġija u kummerċ. Il-parteċipanti jirċievu l-għodda neċessarja biex jiżviluppaw start-up li toffri soluzzjonijiet u servizzi sostenibbli adattati għas-suq tal-lum. Dan imur flimkien ma’ diversi inċentivi li noffru permezz tal-Malta Enterprise li jassistu aktar negozji jimxu lejn operat sostenibbli,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
Esperti lokali fl-oqsma tal-ambjent u l-intrapriża se jkunu qed jgħinu fit-taħriġ tal-parteċipanti. Wara l-perjodu tat-taħriġ, issir evalwazzjoni tal-aħjar ideat, skont il-preżentazzjoni li ssir minn kull parteċipant, inkluż il-kunċett, il-business model u l-miri tal-proġett.
Matul l-2021, intgħażlu tliet rebbieħa: tal-Kampanjol, EcoWash u PlantB. Tal-Kampanjol kienu l-ewwel rebbieħa b’sistema agrikola bbażata fuq metodi xjentifiċi għat-tkabbir ta’ ħxejjex u frott li ma tużax pestiċidi u tiffranka 95% tal-ilma. Fit-tieni post ġiet EcoWash, li żviluppat sapun tal-platti bla kimiċi li jagħmlu ħsara lill-baħar u lill-ħajja marittima. Fit-tielet post ġiet PlantB, b’app li toffri informazzjoni u ideat dwar kif wieħed jista’ jnaqqas il-carbon footprint tiegħu fl-attivitajiet ta’ kuljum.
L-applikazzjonijiet għal din it-tieni edizzjoni jiftħu llum, l-24 ta’ Ġunju 2022, u jagħlqu fl-24 ta’ Lulju 2022. Dawk interessati huma mħeġġa jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fuq www.seedgreen.org. Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-istess sit jew permezz ta’ telefonata fuq in-numru 23316229.
Kull applikazzjoni għandha tinkludi d-dettalji tal-applikant, paragrafu qasir fuq il-proposta u informazzjoni dwar kif din l-idea tista’ tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u kif tista’ potenzjalment tiġi implimentata.