Ix-xogħlijiet infrastrutturali fiż-żona tas-Saqqajja f’Rabat komplew iqajmu diskussjoni dwar l-impatt tagħhom fuq in-negozji u r-residenti tal-lokalità. Rapporti ppubblikati mill-Times of Malta f’dawn l-aħħar jiem indikaw li diversi negozji diġà ħassew tnaqqis sinifikanti fl-attività tagħhom minħabba x-xogħlijiet fit-triq.
F’dan l-artiklu ġie rrappurtat li ristorant fis-Saqqajja tilef madwar 80% tal-klijenti tiegħu minn meta bdew ix-xogħlijiet. Is-sid qal li qabel kien jirċievi bejn 200 u 300 klijent kuljum, iżda llum il-ġurnata n-numru niżel għal madwar 20 sa 50 klijent kuljum minħabba diffikultà fl-aċċess u l-viżibilità tal-ħanut.
F’artiklu ieħor, il-ADPD – The Green Party talab aktar trasparenza u accountability dwar il-mod kif qed jiġu implimentati xogħlijiet fit-toroq madwar il-pajjiż. Il-chairperson Sandra Gauci sostniet li xogħlijiet li jdumu xhur jistgħu joħolqu problemi serji għar-residenti u n-negozji, inkluż trab, storbju u diffikultajiet fl-aċċess.
Madankollu, illum 10 ta’ Marzu, osservazzjonijiet fuq il-post fiż-żona tas-Saqqajja jindikaw li l-proġett jidher wieqaf kompletament. Il-parti tal-proġett li tinsab quddiem il-ħanut Turkish hija fi stadju avvanzat u fadlilha biss xi xogħol żgħir biex titlesta, iżda minkejja dan ma kien hemm l-ebda ħaddiema fuq is-sit. L-istess sitwazzjoni ġiet innutata fit-tieni parti tal-proġett, fejn ukoll ix-xogħol jidher wieqaf.
Skont l-aħħar informazzjoni ppubblikata mill-sindku ta’ Rabat fuq il-mezzi soċjali, ix-xogħol kellu jieqaf temporanjament minħabba li waqt skavar instabu xi fdalijiet, u bħalissa qed issir verifika biex jiġi stabbilit x’inhuma eżatt.
Madankollu, jidher li l-ewwel parti tal-proġett fadlilha biss xogħol minimu li ma għandux x’jaqsam mat-tieni parti, iżda xorta waħda nżammet wieqfa wkoll. Dan wassal biex il-barrikati tal-ħadid għoljin jibqgħu installati fit-triq, sitwazzjoni li diversi negozji diġà ilmentaw dwarha minħabba l-impatt fuq il-viżibilità u l-aċċess għall-klijenti.
L-ewwel parti.
It-tieni parti.


