Sena Ġdida F’Diversi Kulturi Tibda Fir-Rebbiegħa

Nowruz, magħruf ukoll bħala Novruz, Navruz, Nooruz, Nevruz, or Nauryz, li jfisser “jum ġdid” bil-Persjan, huwa festival antik li jiċċelebra l-ewwel jum tar-rebbiegħa u l-bidu tas-sena l-ġdida skont il-kalendarju Iranjan.

Din il-festa, li ġiet iċċelebrata għal aktar minn 3,000 sena, issir  fil-21 ta’ Marzu, fil-jum meta tibda r-rebbiegħa, meta l-ġurnata u l-lejl huma twal l-istess. Hija ċċelebrata minn aktar minn 300 miljun persuna madwar id-dinja, inklużi reġjuni bħall-Balkani, il-Baċir tal-Baħar l-Iswed, il-Kawkasu, l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani, u oħrajn.

Fl-2010, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxiet uffiċjalment l-importanza ta’ Nowruz billi ddikjarat il-21 ta’ Marzu bħala l-Jum Internazzjonali ta’ Nowruz. Dan ir-rikonoxximent enfasizza l-valuri ta’ paċi, solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-familji u rikonċiljazzjoni li Nowruz tippromwovi, u b’hekk tikkontribwixxi għad-diversità kulturali u l-ħbiberija fost il-popli u l-komunitajiet differenti.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Nowruz ivarjaw minn reġjun għal ieħor, iżda ħafna drabi jinkludu tradizzjonijiet dik ta’ “Haft-Sin” magħruf ukoll bħala Haft-Seen– mejda b’seba’ oġġetti li isimhom jibda bl-ittra Persjana “S”, kull wieħed b’simboliżmu speċjali.

Is-Seba’ Oġġetti Tradizzjonali ta’ Haft-Sin:

  1. Sabzeh (سبزه): Ħaxix imrobbi minn qamħ, xgħir, jew għads, li jirrappreżenta t-tiġdid u l-ħajja ġdida.

  2. Samanu (سمنو): Pudina ħelwa magħmula minn ġermogli tal-qamħ, li tirrappreżenta l-qawwa u l-abbundanza.

  3. Senjed (سنجد): Frott niexef tal-oleaster, li jirrappreżenta l-imħabba u l-fertilità.

  4. Seer (سیر): Tewm, li jirrappreżenta s-saħħa u l-protezzjoni kontra l-ħażen.

  5. Seeb (سیب): Tuffieħ, li jirrappreżenta s-sbuħija u s-saħħa.

  6. Somāq (سماق): Summak, li jirrappreżenta l-għeluq tal-lejl u l-bidu ta’ jum ġdid.

  7. Serkeh (سرکه): Ħall, li jirrappreżenta l-paċenzja u l-età.

Barra minn dawn is-seba’ oġġetti, ħafna drabi jiġu miżjuda elementi oħra bħall-mera (li tirrappreżenta l-introspezzjoni), xemgħat (għad-dawl u l-hena), bajd miżbugħ (għall-fertilità), ħut tad-deheb (għall-ħajja), u kotba sagri jew poeżiji (għall-għerf).

Attivitajiet oħra jinkludu żjarat lill-familja u l-ħbieb, tħejjija ta’ ikel tradizzjonali, u ċerimonji kulturali li jinkludu ż-żfin, il-mużika, u r-rakkontar ta’ stejjer. Dawn l-attivitajiet kollha jirriflettu l-ispirtu ta’ tiġdid u għaqda.

Il-Jum Internazzjonali ta’ Nowruz iservi bħala tifkira tal-importanza għal-wirt kulturali  u r-rwol tiegħu fit-tisħiħ tal-paċi u s-solidarjetà globali. Huwa żmien biex wieħed jirrifletti fuq il-valuri komuni li jgħaqqdu l-umanità u biex jiċċelebra d-diversità kulturali fis-soċjetajiet tagħna.