Wara li aktar minn 250 anzjan għamlu użu minn iktar minn 800 sessjoni ta’ psikoterapija fil-komunità, grazzi għal servizz offrut mill-entità Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, dan is-servizz issa se jiġi ffukat aktar fuq anzjani li jormlu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Hawnhekk ġie spjegat li dan is-servizz qiegħed jingħata primarjament fi kliniċi madwar Malta, fosthom f’Raħal Ġdid, Ħal Qormi, Birkirkara, iż-Żurrieq u l-Imtarfa. Dan filwaqt li fi ftit ġimgħat oħra sejjer jiġi wkoll ipprovdut minn Dar Padova f’Għawdex, wara li jitlesta x-xogħol ta’ rinnovazzjoni li għaddej bħalissa.
It-terapija tista’ tiġi pprovduta wkoll onlajn jew fir-residenza tal-klijent f’każ ta’ problemi serji ta’ mobbiltà. L-anzjani jistgħu jibbenefikaw kemm minn sessjonijiet individwali u anki minn sessjonijiet fi gruppi, skont il-ħtieġa.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Abela sostna li min iġarrab telfa ta’ persuna li tkun viċin tiegħu jaf jesperjenza diversi emozzjonijiet jew xi diffikultajiet oħra li jaf iwasslu għal problemi ta’ saħħa. Għaldaqstant, dan is-servizz ser jgħin sabiex jingħata l-appoġġ meħtieġ lill-persuna.
“Permezz ta’ dan is-servizz qed inħarsu wkoll il-benesseri ta’ dawk li jġarrbu telfa, għaliex mhux kulħadd jaffaċċja ċertu mumenti bl-istess mod. Dan is-servizz ta’ terapija psikoloġika fil-komunità, b’mod speċjali l-appoġġ psikoloġiku għal dawk li jormlu, huwa ta’ għajnuna kbira għall-individwu. B’hekk qed inwettqu wkoll wegħda oħra mill-manifest elettorali”, stqarr il-Ministru Jo Etienne Abela.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-servizz wieħed jista’ jċempel fuq 2278 8900 jew fuq 153. Wieħed jista’ wkoll jaċċessa s-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt jew iżur iċ-Ċentru Servizz Anzjan ġewwa l-Belt Valletta.