Skema ġdida għal proġetti sostenibbli mill-kunsilli lokali.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret skema ta’ €800,000 sabiex il-kunsilli lokali jwettqu proġetti ta’ żvilupp sostenibbli fil-komunità.
Din hija l-ewwel darba li l-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex jistgħu jibbenefikaw minn skema għal proġetti ta’ żvilupp sostenibbli.
F’laqgħa bejn il-Ministru Miriam Dalli, id-Direttur tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli George Said, u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava saħqu dwar l-irwol tal-kunsilli lokali bħala l-katalisti għal lokalitajiet aktar sostenibbli.
Il-Ministru Dalli spjegat li l-għan prinċipali ta’ dan il-fond  amministrat mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli huwa li jgħin lill-komunitajiet fi żvilupp ta’ proġetti li jippromwovu s-sostenibbiltà f’oqsma differenti. B’dan il-mod tkun qed tissaħħaħ il-ħidma tal-pajjiż fil-kontribuzzjoni għall-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
“Il-viżjoni għal pajjiżna hija dik ta’ futur sostenibbli għal kwalità ta’ ħajja aħjar li nistgħu nilħqu jekk flimkien nagħtu s-sehem tagħna. Il-kunsilli lokali huma parti integrali minn din it-tranżizzjoni lejn soċjetà aktar inklużiva u ambjentalment b’saħħitha”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-ministru sostniet ukoll li “Permezz tal-miri tal-iżvilupp sostenibbli, irridu naċċertaw li noħolqu opportunitajiet għal ġenerazzjonijiet futuri fit-tliet oqsma prinċipali tal-iżvilupp soċjali, ekonomiku, u ambjentali.”
Il-kunsilli lokali huma mħeġġa jipproponu proġetti li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u li jikkontribwixxu għall-ġid soċjali, ekonomiku, u ambjentali, bħal titjib fl-aċċessibbiltà, il-ħolqien ta’ spazji miftuħa, green mobility, retrofitting ta’ binjiet pubbliċi, u prattiċi innovattivi fl-immaniġġjar tal-iskart, fost oħrajn.
Kunsilli lokali f’Malta u Għawdex mistiedna japplikaw għal din l-iskema bi proposti għal proġetti li jistgħu jitwettqu fix-xhur li ġejjin. L-aħjar proposti jibbenefikaw minn finanzjament sa 85% tal-ispiża tal-proġett, sa massimu ta’ €300,000.
L-applikazzjonijiet jiftħu llum u se jintlaqgħu sal-Ġimgħa 23 ta’ Settembru 2022 sa 12pm fuq [email protected]. Il-linji gwida jinsabu fuq is-sit elettroniku, https://sustainabledevelopment.gov.mt/mt/skema-ghall-kunsill-lokali-dwar-lokalitajiet-sostenibbli/.​