L-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) se talloka fond ta’ €150,000 għal proġetti li jużaw teknoloġija innovattiva li għalihom jistgħu japplikaw il-kunsilli lokali jew ir-reġjuni. Din l-iskema għandha l-għan li tinkoraġġixxi lill-kunsilli lokali jinvestu f’teknoloġiji innovattivi biex servizzi tradizzjonali jsiru aktar effiċjenti u aktar sostenibbli għall-benefiċċju tar-residenti u tan-negozji fil-lokalitajiet tagħna.
Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li l-pandemija kif ukoll il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna urewna l-bżonn ta’ diversifikazzjoni fl-ekonomija u dan nistgħu nagħmluh mhux biss billi ninvestu f’teknoloġiji innovattivi, iżda bħala pajjiż inkunu ċentru ta’ innovazzjoni li jkompli jiżviluppa maż-żminijiet.
“Pajjiżna ilu għal dawn l-aħħar snin li beda jinvesti f’teknoloġiji innovattivi bħalma huma l-blockchain, intelliġenza artifiċjali u cloud computing, fost l-oħrajn, sabiex joħloq ambjent fejn negozji kemm lokali, kif ukoll barranin setgħu jimirħu fl-operat tagħhom. Illum għandna teknoloġiji ġodda li qed ikunu żviluppati bħal quantum technology, internet of things u oħrajn u pajjiżna wkoll se jkun qed fuq quddiem fl-avvanzi tagħhom,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Huwa sostna li dan il-gvern għandu mandat biex pajjiżna jkun fuq quddiem nett fir-raba’ rivoluzzjoni teknoloġika li qed tiżviluppa madwar id-dinja u dan jista’ jsir billi nkomplu ninvestu fl-infrastuttura diġitali kif ukoll fir-riżorsi umani f’dan il-qasam.
Il-Ministru Schembri qal li l-iskema tal-lum tinkludi proġetti mal-kunsilli lokali fil-komunità, li huwa l-aqwa mod kif nistgħu nwasslu t-teknoloġiji innovattivi fil-lokal li ngħixu fih. “Fil-qasam teknoloġiku rridu naraw li noffru l-għodod neċessarji biex uliedna jkollhom l-abbiltajiet meħtieġa biex jimxu ’l quddiem f’dawn is-setturi. Fil-passat iċ-ċokon ta’ pajjiżna kien ta’ xkiel, iżda fil-qasam teknoloġiku dan ma jeżistix u nistgħu nkomplu nimirħu, kif diġà bdejna biex pajjiżna jkun hub ewlieni għall-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji,” ikkonkluda l-Ministru Silvio Schembri.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li, “Illum il-ġurnata t-teknoloġija diġitali tintuża f’sistemi ta’ setturi differenti, għaldaqstant għandha tkun għodda siewja wkoll għall-kunsilli lokali sabiex tgħin biex jingħelbu sfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali”. Hija ħeġġet lill-kunsilli lokali jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sabiex jibbenefikaw mill-fondi ta’ din l-iskema tant utli li tista’ tgħin fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, is-Sur Kenneth Brincat spjega li l-applikanti, il-kunsilli lokali jew ir-reġjuni, jistgħu japplikaw għal proġetti b’teknoloġiji innovattivi minn minimu ta’ €25,000 sa massimu ta’ €100,000. Il-proġetti magħżula għandhom ikunu implimentati fi żmien sena.