Għaqdiet volontarji għandhom l-opportunità li japplikaw għal skema maħruġa mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli u mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat li se ssir b’investiment ta’ €50,000 sabiex tgħin lill-għaqdiet jimplimentaw proġetti jew inizjattivi tanġibbli relatati mal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli.
Dan tħabbar waqt il-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-għan prinċipali ta’ dan il-fond huwa li jgħin lill-għaqdiet volontarji fi żvilupp ta’ proġetti fil-komunità li jippromwovu s-sostenibbiltà f’oqsma differenti, filwaqt li jtejbu l-ħiliet tagħhom u jinvolvu ruħhom f’inizjattivi li jwasslu għal soċjetà aktar ġusta u ugwali, ambjent nadif u ekonomija b’saħħitha.
“Il-viżjoni għal pajjiżna hija dik ta’ futur sostenibbli li nistgħu nilħqu jekk kulħadd jaħdem id f’id. L-għaqdiet volontarji huma parti integrali minn din it-tranżizzjoni lejn soċjetà aktar inklussiva u ambjentalment b’saħħitha. Għalhekk, qed inniedu dan il-fond sabiex dan ix-xogħol tant kruċjali jkompli u jibqa’ dejjem jimxi ‘l quddiem”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet dwar l-importanza li nibnu settur volontarju aktar sostenibbli bi proġetti u b’inizjattivi li jsaħħu tliet pilastri importanti f’pajjiżna – is-soċjal, l-ambjent u l-ekonomija. Fid-diskors tagħha rrimarkat li, “Irridu naraw proġetti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies, proġetti li jsiru b’mod sostenibbli, ħalli ma jgawdux biss il-benefiċjarji preżenti iżda wkoll ġenerazzjonijiet futuri”.
Dawk l-għaqdiet volontarji reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji huma mħeġġa jissottomettu proposti għal proġetti li jistgħu jitwettqu fix-xhur li ġejjin. L-aħjar proposti ser jibbenifikaw minn finanzjament ta’ 80% tal-ispiża tal-proġett sa massimu ta’ €10,000.
Preżenti għat-tnedija tal-iskema kien hemm id-Direttur tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli George Said, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandolo u l-Kap tad-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Programmi u l-Politika fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Raiza Borg Carr.
L-applikazzjonijiet huma miftuħa u se jintlaqgħu sal-Ġimgħa 28 ta’ Ottubru 2022. L-applikazzjoni u l-linji gwida jinsabu fuq is-sit elettroniku http://vofunding.org.mt/funds/114.