Soft2Bet tkompli tikber f’pajjiżna

Fl-aħħar jiem il-kumpanija tal-igaming Soft2Bet kompliet tikber f’pajjiżna hekk kif irrilokat għal uffiċċju ġdid ġewwa The Quad Central. Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan l-uffiċċju, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li dan is-suċċess ta’ Soft2Bet huwa suċċess għal pajjiżna wkoll hekk kif jikkonferma li pajjiżna huwa hub ta’ eċċellenza għas-settur tal-igaming.
“Ftit snin ilu Soft2Bet kellhom uffiċċju żgħir f’Tas-Sliema fejn kienu jimpjegaw 5 persuni. Illum, hawnhekk f’dan l-uffiċċju ġdid hawn 130 ħaddiem bil-possibbiltà u l-pjan li l-kumpanija tkompli tespandi aktar. Din hija turija tal-fiduċja li l-kumpaniji barranin fl-igaming għandhom fl-ekonomija ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
“Illum apparti l-industrija tal-igaming qegħdin niżviluppaw niċeċ ekonomiċi ġodda, bħal dawk tal-video game development u l-esports u għandna kumpaniji internazzjonali li qegħdin jaħdmu minn pajjiżna u jkomplu jkabbru isem pajjiżna f’dawn is-setturi,” żied il-Ministru Silvio Schembri
Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta Ivan Filletti qal, “Gaming Malta tibqa’ taħdem id f’id mal-industrija kollha tal-gaming f’pajjiżna, biex flimkien jinħoloq l-aqwa ambjent biex nibqgħu noħolqu opportunitajiet ġodda.”
Għall-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju attendew l-ogħla diriġenti ta’ Soft2Bet, fosthom il-fundatur u Kap Eżekuttiv Uri Poliavich.​