Soprano Maltija Christine Dalli b’Interpretazzjoni Emottiva ta’ “You’ll Never Walk Alone”

Brugge, il-Belġju – 21 ta’ Jannar 2025

Mument speċjali u emozzjonanti ħakem il-Jan Breydelstadion ilbieraħ filgħaxija, hekk kif is-soprano Maltija Christine Dalli tat interpretazzjoni mill-isbaħ tal-innu ikoniku “You’ll Never Walk Alone” qabel il-konfront fil-UEFA Champions League bejn Club Brugge u Juventus.
Bil-preżenza ta’ folla ta’ 26,700 partitarju, Christine affaxxinat lil kulħadd bl-emozzjoni u l-qawwa tal-vuċi tagħha. Hekk kif kanta l-innu magħruf, il-partitarji tat-team Brugge ingħaqdu f’kor u ħolqu atmosfera unika, mhux tas-soltu.
Wara l-wirja tagħha, Christine qalet:
Għandi unur kbir li kelli ċ-ċans li nkanta f’okkażjoni tant prestiġjuża. Li nisma’ lill-folla tingħaqad miegħi kien esperjenza li ma ninsiha qatt. Naħseb li kien l-akbar kor li qatt kellhi… Il-futbol għandu mod uniku kif iġib lin-nies flimkien, u kien tal-għaġeb li kont parti minn din l-enerġija.”
Il-prestazzjoni ta’ Christine, li xxandret fuq l-iskrins kbar tal-istadium u fuq it-televiżjoni permezz ta’ UEFA, ġibdet ammirazzjoni minn kullimkien. Ħafna ddeskrivew il-mument bħala taħlita perfetta bejn l-arti u l-isport, fejn il-mużika rnexxielha żżid dimensjoni emozzjonali għal dan l-avveniment tant importanti.
Bl-interpretazzjoni tagħha, Christine Dalli ġabet dimensjoni speċjali għal-lejla tal-futbol, u fakkret lil kulħadd fil-qawwa tal-mużika li tispira u tgħaqqad lin-nies, anke f’mumenti ta’ rivalità.
Fl-opinjoni tagħna ta’ PMnews din kienet wirja straordinarja tas-soprano Maltija Christine Dalli.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *