Sottomessa l-applikazzjoni għall-Gozo Rural Airfield

Il-Ministeru għal Għawdex issottometta l-applikazzjoni biex issir Rural Airfield f’Għawdex quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa wara li fix-xhur li għaddew sar proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni pubblika dwar din il-proposta, li hi wkoll wegħda elettorali, liema konsultazzjoni kienet immexxija mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex.
Matul dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, l-awtorità rċeviet xejn inqas minn 70 proposta jew rakkomandazzjoni biex isir titjib fuq il-proġett hekk kif propost.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li permezz ta’ dan il-proġett, il-konnettività ta’ Għawdex ser tkompli tissaħħaħ. “Bħala gvern għandna track record fejn tidħol aċċessibbiltà, u hekk kif imwiegħed fil-programm elettorali, ser inkunu qed inwettqu wegħda oħra. Qed naraw li permezz ta’ dan il-proġett, ser inkunu qed inrawmu niċċa ekonomika ġdida u sostenibbli għal Għawdex, fejn apparti impjiegi ta’ kwalità, ser inkunu qed naspiraw li nattiraw lejn xtutna aktar turiżmu ta’ livell”, qal il-Ministru Camilleri.
“Dan kollu ser isir b’rispett sħiħ lejn l-ambjent tal-madwar fejn l-ebda art agrikola mhi ser tintmess, filwaqt li ser jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni biex l-impatt fuq l-ambjent kif ukoll dak  viżiv u l-ħsejjes iġġenerati jiġu mmitigati”, sostna l-ministru.
Il-proġett ser isir fuq medda ta’ 76,000 metru kwadru ta’ art li diġà hi kommessa biex isir żvilupp simili u li llum il-ġurnata tinsab fi stat ta’ abbandun u lok ta’ abbuż. L-ebda bini addizjonali mhu ser isir u dak eżistenti ser jiġi rrestawrat u rriġenerat. Ir-runway eżistenti ser titwal b’271 metru biex b’hekk tilħaq tul ta’ 445 metru. ​​​​​​