Laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija dwar il-Liċenzjar tal-Armi tan-Nar.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, rappreżentanti mill-Federation of Arms Collectors and Target Shooters Malta (FACTS), il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) u l-Malta Shooting Sport Federation (MSSF) iltaqgħu mal-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, u uffiċjali għolja mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta biex jiddiskutu tibdil fir-rekwiżiti tal-liċenzjar tal-armi tan-nar.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-Formola taċ-Ċertifikazzjoni tas-Saħħa tal-Armi tan-nar (FHCF), li ġiet introdotta bħala parti mill-aġġornamenti riċenti għall-proċess tal-liċenzjar. Il-Federazzjonijiet esprimew it-tħassib tal-membri tagħhom, b’mod partikolari r-rekwiżit annwali tall-FHCF, u ssuġġerew intervall ta’ ċiklu itwal skont id-Direttiva tal-UE dwar l-Armi tan-nar u l-leġiżlazzjoni lokali. Fil-laqgħa ġie ppreżentat stħarriġ li sar mill-FKNK bl-appoġġ tal-membri Ewropej tal-FACE (European Federation for Hunting and Conservation) biex jenfasizza dan it-tħassib u jipprovdi dejta komparattiva minn pajjiżi oħra tal-UE. Dan l-istħarriġ enfasizza kif Stati Membri oħra qed jindirizzaw it-tiġdid madwar l-UE. Il-Kummissarju rrikonoxxa l-proposta u stqarr li kien se jiddiskutiha aktar u jagħti feedback. Madankollu, huwa kkonferma li r-rekwiżit annwali se jibqa’ fis-seħħ għall-2025. Barra minn hekk, il-Federazzjonijiet enfasizzaw kwistjonijiet dwar il-validita’ ta’ xahrejn tal-FHCF, li wassal għal ftehim biex dan il-perjodu jiġi estiż għal sitt xhur għal applikanti ġodda.
Sar qbil dwar titjib fil-kliem tal-FHCF biex titjieb iċ-ċarezza. Filwaqt li l-verżjoni preċedenti tibqa’ valida, il-formola aġġornata issa tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Il-Kummissarju ddispjaċih għan-nuqqas ta’ konsultazzjoni minn qabel mal-partijiet interessati u assigura li d-djalogu jkun prijorita’ fil-futur. Ġew deskritti wkoll pjanijiet għal aktar diġitalizzazzjoni u aġġornamenti tal-IT biex jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ liċenzjar. Il-Federazzjonijiet ifaħħru lill-Korp tal-Pulizija għall-impenn tiegħu, partikolarment fir-rigward tas-sistema l-ġdida tat-trasferiment tal-armi tan-nar, u jibqgħu impenjati li jaħdmu flimkien fuq leġiżlazzjoni effettiva u prattika dwar l-armi tan-nar.