Il-Forzi Armati ta’ Malta tagħmel referenza għal rapporti fil-midja tal-aħħar sigħat.
Rapporti fil-midja li interpretaw risposti fil-Parlament bħala li hemm xi suldati Maltin jieħdu sehem f’ħidma militari huma għalkollox skorretti. Kontra dak irrapportat irid ikun iċċarat li m’hemm ebda suldati Maltin jagħtu taħriġ lil suldati fl-Ukrajna.
Fil-fatt, f’missjoni tal-Unjoni Ewropea, il-Forzi Armati ta’ Malta għandha biss uffiċjal wieħed stazzjonat l-Ingilterra (mhux l-Ukrajna) u x-xogħol tiegħu hu biss amministrattiv fejn jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea. B’wieħed mill-għanijiet tal-missjoni huwa li tingħata assistenza umanitarja.
Kienet għażla konxja tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-awtoritajiet Maltin li għajr għal dan l-uffiċjal ma jkun hemm ebda uffiċjal ieħor f’din il-missjoni tal-Unjoni Ewropea, biex ma jkun hemm ebda suldati Maltin involuti fl-Ukrajna, kif fil-fatt m’hemmx. L-għajnuna li Malta tat lil Ukrajna hi marbuta biss ma’ dik umanitarja, hekk kif kien ġie mħabbar u dan b’rispett lejn in-newtralità ta’ pajjiżna.