“It-tisħiħ tal-aċċessibilità dejjem qisnih bħala wieħed fundamentali fil-politika tal-akkomodazzjoni soċjali,” saħaq il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, wara li inawgura tliet liftijiet ġodda f’tliet binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-lokalità ta’ San Ġwann.
Il-Ministru spjega kif f’dawn it-tliet blokok ġew installati liftijiet li jistgħu jakkomodaw bejn tlieta u ħames persuni u li saru b’investiment ta’ €230,000. “Investiment bħal dan mhux biss isaħħaħ l-aċċessibilità imma wkoll itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti,” tenna l-Ministru Galdes.
Il-Ministru Galdes spjega kif uħud mill-proġetti tal-installazzjoni tal-liftijiet ġabu magħhom diversi sfidi fosthom nuqqasijiet kbar min-naħa ta’ kuntratturi mqabbdin li wasslu lill-awtoritajiet biex jieħdu miżuri b’saħħithom biex jipproteġu l-interess tar-residenti u tal-Gvern. Fil-fatt, fl-aħħar erba’ snin twaqqfu tliet kuntratturi wara li ma mxewx mal-ftehim maqbul bejnhom u bejn l-Awtorità tad-Djar.
“Mhuwiex aċċettabbli li jbatu r-residenti minħabba nuqqasijiet ta’ kuntrattur, li jonqos milli jonora l-obbligi tiegħu, iż-żminijiet stipulati u l-kwalità. Kienu ċirkostanzi bħal dawn li wasslu għal ċertu dewmien li weġibna għalih aħna. Ma waqafniex hemm u ħadna l-passi kollha neċessarji, l-ewwel biex jinżammu responsabbli dawk li żammew il-proġetti lura li fil-fatt kellhom il-kuntratt terminat, u mbagħad biex assigurajna li l-proġetti jiġu implimentati b’mod tajjeb. Issa jum wara l-ieħor qed naraw aktar residenti jgawdu minn blokok aċċessibbli bis-saħħa tal-installazzjoni ta’ dawn il-liftijiet,” sostna l-Ministru Roderick Galdes.
Huwa sostna li permezz tad-deċiżjonijiet meħuda, illum il-proċess ta’ installazzjoni ta’ lift qed ikun wieħed aktar spedit. Kontinwament isiru wkoll diversi spezzjonijiet fuq ix-xogħlijiet li jkunu għaddejjin u dan biex jiġi assigurat illi x-xogħol dejjem ikun tal-aqwa livell.
Ġie spjegat ukoll illi f’ċertu sitwazzjonijiet jkun hemm dewmien minħabba li meta jkun qed isir ix-xogħol ta’ skavar, jirriżultaw sfidi mhux mistennija bħal pedamenti mhux sodi u li jkun jeħtieġ li dawn jerġgħu jiġu disinjati mill-ġdid; dħul ta’ ilma ġieri u problemi fis-sistemi tad-drenaġġ. F’diversi każijiet jiġi nnutat ukoll illi jkun hemm servizzi moħbija taħt l-art u li dawn ikunu jridu jiġu mgħoddija mill-ġdid, kif ukoll soqfa tal-komun illi jinstabu li strutturalment ma jkunux fi stat adegwat u li dawn ikun jeħtieġ li jinbidlu.
Preżentament hemm diversi xogħlijiet għaddejjin fuq installazjoni ta’ liftijiet ġodda fi 11-il lokalità f’24 sit differenti. Il-lokalitajiet fejn qed isir dan ix-xogħol huma Tal-Pietà, il-Belt Valletta, il-Floriana, il-Marsa, Birkirkara, Ħaż-Żebbuġ, Santa Luċija, il-Mosta, San Ġwann, Ta’ Xbiex u r-Rabat.