STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA

l-Ministeru għall-Anzjanità Attiva ħa nota tal-inkjesta interna u indipendenti tal-Imħallef Geoffrey Valenzia, dwar l-għajbien tas-Sur Carmelo Fino mill-Faċilità ta’ San Vinċenż De Paul (SVDP). Sommarju ta’ din l-inkjesta qed ikun ippubblikat ma’ din l-istqarrija.
Il-Ministeru għadda l-inkjesta lit-tmexxija ta’ SVDP sabiex tittieħed kull azzjoni neċċessarja kif stipulat fir-regolamenti tal-Public Service Commission (PSC). Ir-rapport sħiħ se jingħadda wkoll lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani u l-Awtorità tal-Istandards SCSA għal skrutinju separat.
Il-Ministru Jo Etienne Abela tenna li din l-inkjesta ssejħet b’mod immedjat biex ikun stabbilit x’ġara f’dan il-każ għaliex jemmen fl-ogħla livelli ta’ kontabbiltà u l-aqwa servizz għall-anzjani tagħna. Sostna li dan il-każ ma jirriflettix fuq il-ħaddiema kollha ta’ din il-faċilità u faħħar l-isforzi tal-mijiet ta’ impjegati f’SVDP li b’dedikazzjoni u b’wiċċhom minn quddiem jagħmlu l-almu tagħhom, sabiex bil-qadi kuxxjentuż ta’ dmirijiethom, mijiet kbar ta’ residenti jirċievu l-kura ta’ kwalità li jixraqilhom.
Il-Ministru Jo Etienne Abela rrefera għal wkoll għal numru ta’ miżuri li daħlu fis-seħħ riċentament u saħansitra diġà jindirizzaw rakkomandazzjonijiet li saru fl-inkjesta. Audit ta’ kull aspett ta’ sigurtà fil-faċilità kien ikkummisjonat eżatt wara l-każ biex b’mod urġenti qed ikun hemm aktar uffiċjali tas-sigurtà għal fini ta’ moniteraġġ, filwaqt li l-pożizzjoni u s-sorveljanza tac-CCTV cameras qed tiġi aġġornata. Anke skont kif irrakkomandat fl-inkjesta qed tkun esplorata l-possibbiltà ta’ tagging/tracking għar-residenti. M’hemmx dubju li f’kull deċiżjoni, is-sigurtà, id-dinjità u tagħrif mediku jridu jkunu fil-qalba tad-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Intant, matul l-aħħar laqgħa tal-Bord tal-Management ta’ SVDP, ġew diskussi u ser jiġu implimentati linji gwida validati għal assessment multi-dixxiplinarju. Dan għandu jwassal għal bilanċ xjentifiku u kliniku bejn l-libertà u s-sigurtà tar-residenti, bil-għan li titnaqqas il-possibbiltà ta’ inċidenti ta’ dan it-tip. Dawn il-miżuri antiċipaw bosta mir-rakkomandazzjonijiet fil-lista riżultanti mill-inkjesta tal-Imħallef Valenzia. Din il-lista tirrakkomanda wkoll il-ħtieġa ta’ definizzjoni aktar ċara tad-dmirijiet tal-infermiera u carers, sistema ta’ skrutinju aħjar għal impjegati prospettivi u aktar armonija bejn il-ħaddiema u l-amministrazzjoni.
Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li l-Ministeru ħa jkompli jagħmel dak kollu possibli biex r-rakkommadazzjonijiet mhux biss ikunu indirizzati iżda wkoll implimentati fl-iqsar żmien. Temm billi reġa’ aċċenna li l-livell ta’ kura aħjar għar-residenti u l-għeżież tagħhom, ser jibqa’ l-prijorità ewlenija tal-Ministeru tiegħu. Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Christine Schembri, kellu laqgħa formali mal-qraba tas-Sur Fino fejn għarrafhom bir-riżultati tal-inkjesta, kif ukoll ma’ uffiċjali tal-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema f’SVDP. Il-midja ngħatat ukoll briefing dettaljat dwar dan ir-rapport.

pr221028a.pdf