STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA: Rapport dwar is-saltna tad-dritt jirrikonoxxi l-passi ’l quddiem

F’rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-saltna tad-dritt kienu nnotati numru ta’ żviluppi pożittivi u importanti li seħħew f’Malta f’dawn l-aħħar snin.
Fost oħrajn, it-tnedija tal-ewwel Strateġija dwar il-Ġustizzja Diġitali, it-tisħiħ tal-irwol tal-Avukat Ġenerali fil-prosekuzzjonijiet, it-tnedija tax-xogħol fuq it-tisħiħ tal-indipendenza tat-Tribunali speċjalizzati, u ż-żieda fir-riżorsi għall-investigazzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni.
Issir referenza wkoll għat-tnedija tal-proċess biex jibdew jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, b’referenza għal numru ta’ proposti magħmula mill-Gvern u l-progress fil-proċeduri kriminali dwar l-istess qtil, fost l-oħrajn.
Il-Gvern se jkun qed janalizza wkoll ir-rakkomandazzjonijiet li saru, li wħud minnhom diġà beda x-xogħol fuqhom u mistennija jitressqu abozzi ta’ liġijiet fi żmien li ġej.
Hemm ukoll rakkomandazzjonijiet fejn il-Gvern diġà għamel bidliet importanti u meqjusa storiċi bħal ma hi l-ħatra tal-Prim Imħallef b’vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament u li saru wkoll skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja.
Ir-riformi ġudizzjarji qed jissaħħu wkoll għaliex il-Gvern alloka riżorsi bla preċedent, b’żieda wkoll fin-numru ta’ ġudikanti.
Għaż-żmien li ġej il-Gvern hu impenjat ukoll li jimplimenta r-riformi mwiegħda fil-manifest elettorali biex jitkompla l-investiment infrastrutturali u uman biex tiżdied l-effiċjenza tal-Qrati.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard sostna li t-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f’Malta kien, għadu u se jibqa’ fuq nett tal-aġenda.
Il-Ministru Attard saħaq li, bħala Gvern, impenjati li nimplimentaw il-proposti tal-manifest elettorali li jsaħħu l-governanza u l-aċċess għall-ġustizzja xierqa u effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.
“Kommessi li nassiguraw li l-ġustizzja sseħħ fi żmien raġonevoli, b’hekk il-ġustizzja ssir u tidher li qed issir,” qal il-Ministru Attard.
Fil-fatt, dawn ir-riformi qed isiru kemm minn aspett leġiżlattiv kif ukoll b’investiment finanzjarju, fosthom fid-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja bħala parti mill-€10 miljun allokati permezz tal-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRF) tal-Unjoni Ewropea biex jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali ta’ Malta u żieda annwali sostanzjali fl-allokazzjoni tal-budget tal-Ministeru għall-Ġustizzja, liema allokazzjoni tammonta għal madwar €21 miljun, żieda ta’ ’l fuq minn €12-il miljun meta mqabbla mas-sena 2012.
Il-Gvern se jkompli bil-koperazzjoni u d-djalogu miftuħ filwaqt li jesprimi apprezzament għall-fatt illi l-progress li sar f’ħafna oqsma li jsaħħu s-saltna tad-dritt f’Malta ġie rikonoxxut.
Dan ir-rapport isaħħaħ ukoll it-titjib li ġie rikonoxxut fil-pubblikazzjoni ta’ tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 2022, lura f’Mejju ta’ din is-sena, fejn Malta rreġistrat tnaqqis fl-ammont ta’ każijiet pendenti f’kawżi ċivili u kummerċjali litiġjużi, kif ukoll tnaqqis fit-tul tal-proċeduri ta’ każijiet ta’ ħasil ta’ flus meta mqabbla mal-2019.