Ħsarat tekniċi fil-linear accelerators tal-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, li żviluppaw tul tmiem il-ġimgħa, waslu għas-sospenzjoni temporanja tas-servizz tal-radjoterapija fl-Isptar Mater Dei.
Il-Ministeru għas-Saħħa waqqaf bord ta’ inkjesta interna sabiex jistabbilixxi x’wassal għal dawn il-ħsarat, fid-dawl li din hija l-ewwel darba li seħħet ħsara teknika simili.
Mill-indikazzjonijiet tal-investigazzjoni preliminari, illi saret mill-amministrazzjoni tal-istess sptar, jidher illi s-sors tal-ħsara kienet fis-sistema tal-coolers li jirregolaw il-magni. S’issa it-tim tekniku stabbilixxa li l-ħsara hija reparabbli u diġà bdew il-preparamenti għat-tiswijiet meħtieġa.
L-amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei qiegħda taħdem id f’id mal-konsulenti kollha tal-pazjenti tal-onkoloġija sabiex jinstabu alternattivi adegwati għall-pazjenti.
Il-Ministeru għas-Saħħa jiskuża ruħu għal kull inkonvenjent maħluq f’dawn iċ-ċirkostanzi u jikkommetti ruħu li jsiru l-arranġamenti kollha neċessarji fl-aħjar interess ta’ saħħet il-pazjenti milquta.