Stqarrija mill-uffiċċju tal-ispeaker dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, jagħmel referenza għar-rapport li ġie ppubblikat f’dawn il-ġranet mill-OECD bl-isem Review of the Standards in Public Life Act of Malta fejn jintefa’ dubju dwar l-imparzjalità tas-Sedja f’dik li hi tmexxija tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Is-Sedja tixtieq tiċċara li hija tħossha marbuta illi taġixxi f’dawk il-parametri permessi lilha mill-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan ifisser illi fejn il-liġi hija restrittiva, is-Sedja ma hix fil-libertà li taġixxi. L-Ispeaker jenfasizza li kull deċiżjoni li huwa jieħu, inkluż f’kull ruling li huwa jagħti fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu f’dan il-Kumitat, tkun spjegata b’mod dettaljat, u dejjem ibbażata fuq l-argumenti legali u preċedenti parlamentari sabiex jgħinu wieħed jifhem kif is-Sedja tkun ħadet dik il-pożizzjoni. Is-Sedja hawn tagħmel referenza għal ruling li kienet tat dwar l-applikazzjoni tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika għall ex-Membri Parlamentari u tirrileva li sal-lum dawn għadhom ma jaqgħux taħt dan l-Att. Tagħmel referenza wkoll għall-motivazzjoni tal-vot li kienet tat dwar każ ta’ reklamar mill-Membri tal-Eżekuttiv u tenfasizza li dakinhar kienet saħqet dwar il-bżonn li jiġu stabbiliti linji gwida.
Is-Sedja, kif kellha okkażjoni tesprimi diversi drabi, ittenni li f’dak li jikkonċerna standards fil-ħajja pubblika dejjem hemm lok għal titjib. F’dan ir-rigward fejn il-Membri taż-żewġ naħat tal-Kamra jaraw li jista’ jkun hemm titjib fil-liġi li tirregola l-ħidma ta’ dan il-Kumitat, huma dejjem għandhom il-fakultà illi jressqu l-emendi relattivi għall-konsiderazzjoni u deċiżjoni finali tal-Kamra.
Is-Sedja tieħu nota tar-rapporti pubblikati, inkluż dak imsemmi hawn fuq, u tkompli timpenja ruħha sabiex tiżgura li l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika jkun jista’ jilħaq tassew dawk l-għanijiet li kien intiż għalihom.​