Stqarrijiet pubbliċi li saru b’rabta ma’ seba’ immigranti li waslu f’Malta irregolarment bil-baħar f’Novembru li għadda. 

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, l-Ugwaljanza u r-Riformi jirreferi għall-interim measure maħruġa mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll għal stqarrijiet pubbliċi li saru b’rabta ma’ seba’ immigranti li waslu f’Malta irregolarment bil-baħar f’Novembru li għadda.
Il-ministeru jiċċara li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ma ordnatx li dawn il-persuni jinħarġu miċ-ċentru ta’ detenzjoni. Bħalissa, l-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li Jfittxu l-Ażil (AWAS) għaddejja bit-testijiet meħtieġa sabiex tivverifika jekk dawn il-persuni humiex minuri jew adulti. Fil-fatt, dawn il-persuni waslu Malta mingħajr dokumenti ta’ identifikazzjoni u kollha stqarrew li huma adulti meta ntalbu l-informazzjoni dwar l-identità tagħhom mill-pulizija.
Tajjeb li wieħed jinnota wkoll li ġranet wara l-wasla tagħhom, tnejn minn dawn is-seba’ persuni ppreżentaw kopji tal-passaporti tagħhom li juru li huma adulti.
Il-ministeru jinnota wkoll stqarrijiet żbaljati u skorretti li għamlu l-avukati ta’ dawn il-persuni. Kull waħda minn dawn l-allegazzjonijiet ser ikunu qed jiġu mwieġba mill-awtoritajiet Maltin fir-risposti tagħhom lill-Qorti Ewropea.
Fl-aħħar nett, għandha tkun innotata wkoll iż-żieda fil-każijiet ta’ persuni li jiddikjaraw li huma minuri sabiex itawlu l-proċess tal-ażil u jnaqqsu l-possibbiltà li jiġu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom. L-awtoritajiet se jibqgħu kommessi li jiġġieldu dan l-abbuż, kemm fl-interess ta’ pajjiżna u fl-interess ukoll ta’ dawk il-persuni li verament ikun ħaqqhom protezzjoni f’Malta.