L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa konferenza dwar il-ħtieġa li jitħarsu l-klima, is-soċjetà u x-xogħol fil-Parlament ta’ Malta. Din il-konferenza ġiet organizzata b’kollaborazzjoni ma’ Centro Studi per le ricerche e la Documentazione sul Mediterraneo e il Mezzogiorno “Napoleone Colajanni” u EUMANS, moviment ta’ ċittadini Ewropej għad-demokrazija u żvilupp sostenibbli. Għal din il-konferenza attendew għadd ta’ delegati minn Malta, l-Awstrija, l-Italja, mir-Repubblika Dominikana u mir-Repubblika tal-Afrika t’Isfel.
Matul din il-konferenza, dawk preżenti tkellmu dwar l-emerġenza fit-tibdil fil-klima, u l-ħarsien tal-ambjent b’enfasi li jonqos l-użu ta’ fjuwil magħmul minn fossili, u emissjonijiet ta’ gass tossiku mill-karbonju li qed iħammġu l-ambjent dinji u permezz tal-użu tagħhom qed iġibu magħhom tibdil fil-klima b’effetti diżastrużi.
F’diskors tiegħu matul din l-konferenza, l-Ispeaker tkellem dwar l-urġenza li l-komunità internazzjonali ssib soluzzjoni konkreta għad-diżastri ambjentali, konsegwenza diretta ta’ emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet – Gass Serra – li qed iwasslu biex il-klima globali tisħon aktar b’dannu għall-ambjent u l-bnedmin. Hu semma għadd ta’ inizjattivi li Malta ħadet fil-Ġnus Magħquda, fost dawn, il-proposta tagħha li jitwaqqaf makkinarju biex jindirizza dawn il-problemi ambjentali u jittieħdu deċiżjonijiet politiċi u anke legali bil-għan li jnaqqsu l-impatt negattiv ta’ tisħin tal-klima fid-dinja kemm fuq l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent. Hu kompla billi qal li f’Diċembru 1988, fuq proposta Maltija, l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda approvat riżoluzzjoni biex il-komunità internazzjonali tieħu passi konkreti biex tħares il-klima fid-dinja għal ġenerazzjonijiet preżenti u futuri ta’ persuni umani. Din ir-riżoluzzjoni bdiet it-triq biex il-komunità internazzjonali fis-sena 1992 approvat it-Trattat Internazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima.
L-Ispeaker tenna li l-istrutturar ekonomiku jeħtieġ li jinbidel minn ekonomija dinjija bbażata fuq l-użu ta’ fjuwil li jħammeġ l-ambjent għal waħda msejħa l-ekonomija ħadra, bħala mudell ekonomiku li hu sostenibbli u wieħed li jipproteġi u jħares l-ambjent dinji, li hija l-għażla meħtieġa u neċessarja. F’dan ir-rigward, is-sehem ta’ Parlamenti Nazzjonali għandu jitqies bħala wieħed importanti u kruċjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet intiżi biex jitwettqu riformi favur l-ambjent fid-dinja sabiex jintlaħqu l-miri biex sas-sena 2030 jonqsu b’55 fil-mija l-emissjonijiet tal-Gass Serra u sas-sena 2050 l-ekonomiji fi stati membri fl-Unjoni Ewropea jkunu carbon-neutral status, jew ekonomiji tassew indaf u li tassew jirrispettaw u jħarsu l-ambjent.
F’din il-konferenza ħadu sehem il-Membri Parlamentari Cressida Galea, Ivan J. Bartolo u Eve Borg Bonello. Indirizzaw ukoll lil dawk prezenti Dr. Paolo Garofaro, President taċ-Centro Studi per le Ricerche e la Documentazione sul Mediterraneo e il Mezzogiorno, Dr. Andrea Salimbeni, Uffiċjal Eżekuttiv tal-Fondazzjoni EUMANS għal COP 27, Fabio Venezia, Membru tal-Parlament ta’ Sqallija, Marco Cappato, President tal-Fondazzjoni EUMANS u eks-Membru tal-Parlament Ewropew, u l-Perit David Xuereb, fundatur ta’ ESG Alliance, u eks-Presidenttal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija ta’ Malta.