Il-konsultazzjoni dwar ajruport f’Għawdex hija oħra minn sensiela ta’ konsultazzjonijiet finta. Anke l-perjodu tal-konsultazzjoni fih innifsu – ta’ 22 ġurnata – huwa xhieda tan-nuqqas ta’ serjetà ta’ din is-suppost konsultazzjoni. Dawn qaluh il-kellima ta’ ADPD -The Green Party, Dr Ralph Cassar u Luke Caruana meta għamlu is-sottomissjonijiet tagħhom f’isem il-partit għal ‘impact statement’ ippublikat mill-Gozo Regional Development Authority (GRDA).
Il-kelliema ta’ ADPD elenkew numru ta’ raġunijiet għala il-proposta ma tagħmilx sens tħares kif tħares lejha, fosthom:
1. L-ajruport huwa propost li jkun daqs 11-il ground tal-football. Fi gżira ċkejkna taħt attakk kontinwu minn żvilupp bla rażan bil-barka tal-gvern, aktar urbanizazzjoni u żvilupp ta’ dan it-tip mhux aċċettabbli. Imur kontra dak li baqa’ mill-miri, injorati u farsa ta’ ‘eco-Gozo’.
2. L-irresponsabiltà tal-awtoritajiet, li ħallew iż-żona tintradam minn skart tal-kostruzzjoni tul is-snin, m’għandiex tintuża bħala skuża biex tiġġustifika ajruport f’Għawdex. Ir-radam dejjem jista’ jitneħħa u s-sit rijabilitat bħala spazju miftuħ.
3. Il-vijabilità ekonomika diġa dubjuża tal-ajruport tfisser li se jkun hemm pressjoni biex l-ajruport ikompli jitkabbar wara ftit snin minn meta jibda jopera. Id-distanzi qosra bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u Għawdex (35 km mit-toroq prinċipali) jrendu dan il-proġett, bħall-ġennata l-oħra tal-mina taħt il-baħar, wieħed ta’ vanità u bla ebda ġustifikazzjoni. Mezzi oħra ta’ trasport eżistenti jistgħu dejjem jitjiebu mingħajr il-bżonn ta’ ajruport. In-numri ta’ vjaġġaturi li ipotetikament jużaw ajruplani żgħar jistgħu faċilment jiġu assorbiti mis-servizzi eżistenti ta’ fast ferry mill-Belt, eventwalment minn servizzi minn portijiet oħra, u mis-servizz ta’ tliet vapuri bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, Għawdex.
4. Mhux veru li l-vjaġġ lejn Għawdex b’ajruplan ikun ta’ kwarta biss. La għal min ikun diġà Malta, għax dak li jkun irid l-ewwel jivvjaġġa sal-ajruport ta’ Malta, u lanqas għal min ġej bl-ajruplan lejn Malta – għax hemm il-ħin tal-istennija fl-ajruport innifsu. Il-kalkolu tal-valur ekonomiku mill-ħin iffrankat fl-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex jinjora kompletament l-ivjaġġar b’mezzi oħra ta’ trasport lejn Malta jew internament lejn l-ajruport ta’ Malta. Tassumi li ‘l-professjonist’ li ipotetikament se juża ajruplan biex imur Għawdex m’għandux mezzi oħra ta’ komunikazzjoni biex jagħmel xogħolu – inkluż affarijiet li illum saru bażiċi – bħal software għar-remote working u sistemi tal-kompjuter u t-telekomunikazzjoni.
5. Il-fatt li r-rapport diġà qed isemmi vjaġġi diretti minn Sqallija u gżejjer oħra lejn Għawdex, diġà jixhed li fil-verità dal-proġett mhux vera li huwa immirat lejn ħaddiema u commuters Għawdxin jew Maltin imma speċifikament għat-turiżmu, li diġà huwa moqdi minn l-ajruport ta’ Malta. Mhux minnu li turisti għandhom bżonn itiru sad-destinazzjoni tagħhom, speċjalment bid-distanza qasir bejn Malta u Għawdex. Il-vjaġġ bejn Malta u Għawdex huwa esperjenza turistika fih innifsu.
6. Lanqas m’huwa veru li ajruplani, la żgħar u lanqas kbar, jistgħu joperaw f’kull temp. Kull mezz ta’ ivvjaġġar huwa limitat minn fatturi ta’ temp.
7. Is-suppost ħolqien ta’ 48 impjieg ma’ jiġġustifikax il-qerda li se jkompli jġib dal-proġett. Anke s-suppost valur miżjud għall-industrija turistika, m’hu se jġib l-ebda bidla jew titjib ekonomiku tanġibbli għall-ħaddiema, għax ir-rapport jagħti ċ-ċifra ta’ żieda ta’ 5 postijiet ta’ xogħol fulltime biss, fil-lukandi u restoranti.
8. Il-kalkoli fittizji dwar kemm se jiġi iffrankat tniġġis huma ibbażati fuq l-assunzjoni li l-prezz ta’ tniġġis mill-ossidu tal-karbonju se jibqa’ pjuttost baxx, u li l-avjazzjoni fuq distanzi qosra immens se tibqa’ aċċettata mill-politika Ewropea bħala aċċettabbli fix-xenarju tal-emerġenza tal-klima. Huwa ċar li l-emmissjonijiet mill-avjazzjoni huwa aktar, saħansitra minn dak mill-karozzi.
Il-kelliema tal-ADPD saħqu li huwa wkoll ironiku li filwaqt li hemm diskussjoni madwar id-dinja u fl-Unjoni Ewropea dwar l-impatti tal-avjazzjoni fuq il-klima, il-Gvern jara kif jivvinta ajruport ieħor fejn mhux meħtieġ. Bil-kliem jgħidu mod dwar l-kwalità tal-ħajja u l-ambjent, iżda bil-fatti juru kemm m’hemmx viżjoni. Il-mistoqsija hija waħda: min ser jibbenefika verament mill-espansjoni ta’ ajruport f’Għawdex?